Il-Gvern qed ikompli joffri sapport kontinwu lill-industrija tat-turiżmu, inkluż lill-operaturi ta’ stabbilimenti ta’ akkomodazzjoni turistika, sabiex ikomplu jinvestu dejjem aktar fil-kwalità u s-sostenibilità, u jżommu l-pass mal-andamenti globali fl-ivvjaġġar u l-bżonnijiet li qed jevolvu fl-industrija.
Il-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg, enfasizza l-importanza tal-qalba kontinwa lejn aktar kwalità waqt żjara fil-lukanda Noru, lukanda lussuża ta’ erba’ stilel f’San Ġiljan. Dr Borg iltaqa’ mat-tmexxija u l-impjegati tal-lukanda hekk kif qed jiċċelebraw l-ewwel anniversarju mill-ftuħ. Fl-istess waqt ukoll, din il-ġimgħa laqgħu lill-15,000 viżitatur tagħhom.
Il-lukanda, li għandha 83 kamra u nfetħet is-sena li għaddiet, toffri faċilitajiet moderni, inkluż pixxini fuq ġewwa u barra, spa u żewġ ristoranti. It-tmexxija bħalissa qed taħdem biex tkompli ttejjeb il-kwalità tas-servizz u saħansitra tespandi l-operat internazzjonalment, bl-ippjanar tat-tieni lukanda Noru f’Ispica, Sqallija.
Dr Borg faħħar l-istrateġija tal-lukanda li qed tiffoka fuq il-kwalità sabiex tattira viżitaturi li jfittxu esperjenzi ta’ livell għola. Huwa spjega li f’konformità mal-Istrateġija ta’ Malta għat-Turiżmu 2030 u l-Viżjoni Malta 2050, il-Gvern qed jappoġġja lill-industrija fit-tranżizzjoni tagħha lejn servizzi ta’ valur miżjud, filwaqt li qed jimmira għal nefqa ogħla ras għal ras f’pajjiżna mit-turisti.
Permezz ta’ kollaborazzjoni kontinwa mal-partijiet kollha fl-industrija, il-Ministeru u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu qed jaħdmu bla waqfien sabiex itejbu l-livell u l-politiki li jkopru b’mod globali l-akkomodazzjoni turistika, kemm kollettiva kif ukoll mhux kollettiva.
Id-Deputat Prim Ministru Borg irrimarka wkoll li l-Awtorità qed tkompli tiffoka fuq l-infurzar u l-assigurazzjoni tal-kwalità, bi spezzjonijiet regolari u investigazzjonijiet dwar ilmenti li jaslu mingħand il-viżitaturi u l-pubbliku. Fl-2024, l-Awtorità wettqet madwar 7,000 spezzjoni fuq diversi stabbilimenti ta’ akkomodazzjoni.