Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Ian Borg, flimkien ma’ numru ta’ ħaddiema tal-Ministeru għas-Saħħa u uffiċjali oħra, żar iċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm sabiex jimmarka l-Jum Dinji tad-Donaturi tad-Demm li ġie ċċelebrat ftit tal-jiem ilu.
Matul iż-żjara, Dr Borg iltaqa’ mat-tmexxija u l-ħaddiema taċ-ċentru kif ukoll ma’ donaturi li kienu qed jagħtu d-demm, filwaqt li ħa sehem ukoll fl-inizjattiva sabiex titqajjem aktar kuxjenza dwar l-importanza tal-għoti tad-demm u biex aktar persuni jagħmlu dan il-ġest ta’ solidarjetà.
“Ħadt gost niltaqa’ mat-tmexxija u l-ħaddiema taċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm kif ukoll ma’ bosta persuni li kienu qed jagħmlu dan il-ġest nobbli propju ftit jiem biss wara li ġie mfakkar il-Jum Dinji tad-Donaturi tad-Demm, kien ta’ pjaċir għalija wkoll li nifhem aħjar dak kollu li jsir f’dan iċ-ċentru kif ukoll il-proċess sħiħ li jiskatta wara li jirċievu d-donazzjoni tad-demm,” qal id-Deputat Prim Ministru Borg.
Huwa żied jgħid li, “Flimkien mal-ħaddiema tal-Ministeru u uffiċjali oħrajn ħassejna li għandna nimmarkaw dan il-jum mhux biss billi nqajmu kuxjenza, iżda wkoll permezz tal-parteċipazzjoni tagħna u billi nagħtu d-demm aħna wkoll, inħeġġeġ bosta oħrajn jagħmlu l-istess, b’mod speċjali żgħażagħ u individwi li qatt ma taw donazzjoni qabel.”
Il-Jum Dinji tad-Donaturi tad-Demm, li jiġi ċċelebrat kull sena fl-14 ta’ Ġunju din is-sena ġab it-tema, “One Drop of Humanity. Donate Blood. Save Lives”, b’enfasi fuq l-impatt dirett li kull donazzjoni tista’ tħalli fuq il-ħajja ta’ persuni fil-bżonn.
Min-naħa tagħha, Monique Debattista, il-persuna responsabbli u Direttur Mediku fi ħdan is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm, spjegat l-importanza ta’ din il-ġurnata. “Huwa jum importanti fejn nirrikonoxxu lid-donaturi kollha. Dan il-jum intgħażel għaliex jaħbat ma’ għeluq snin ix-xjenzat Karl Landsteiner, li skopra l-gruppi differenti tad-demm,” qalet Debattista.
L-okkażjonijiet relatati ma’ dan il-jum servew ukoll bħala opportunità sabiex jħeġġu aktar persuni, speċjalment żgħażagħ li jkunu eliġibbli, biex jagħmlu l-ewwel donazzjoni tagħhom. Dan filwaqt li ġie mġedded l-apprezzament lejn il-komunità ta’ donaturi regolari li permezz tal-impenn tagħhom qed jgħinu jiżguraw li l-bżonnijiet tal-pajjiż għall-provvista tad-demm jibqgħu jiġu sodisfatti.

