Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg iltaqa’ ma’ membri tal-komunità Maltija fi New York, fiċ-Ċentru Malti f’Astoria, ftit jiem qabel il-parteċipazzjoni tiegħu fl-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda din il-ġimgħa.
Dr Borg enfasizza l-importanza tar-rwol attiv ta’ din il-komunità biex iżommu l-identità u t-tradizzjonijiet Maltin ħajjin anke barra minn Malta. “Dejjem nieħu gost niltaqa’ mal-komunità Maltija u Għawdxija hawnhekk. Nistgħu napprezzaw kif jgħixu u s-suċċess li kisbu permezz tax-xogħol tagħhom. Is-suċċess li kisbu fl-Istati Uniti jixraqlu kull tifħir,” hu qal.
Iċ-Ċentru Malti mhux biss jaqdi rwol soċjali, imma joffri wkoll appoġġ essenzjali lill-komunità, u jiġbor flimkien dawk li emigraw snin ilu, lill-Maltin Amerikani tat-tieni u t-tielet ġenerazzjoni, kif ukoll dawk li waslu aktar reċentement.
Iż-żjara tad-Deputat Prim Ministru fiċ-Ċentru fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet kienet opportunità sabiex din il-komunità tiċċelebra r-rabta b’saħħitha bejn Malta u d-diaspora tagħha. Kien ukoll tmiem xieraq għal ġimgħa mimlija kisbiet importanti għat-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn Malta u l-Istati Uniti, fosthom il-wiri għall-ewwel darba tal-film Hidden Malta, l-aħbar tat-titjiriet diretti bejn Malta u New York, u l-inawgurazzjoni ta’ uffiċċji ġodda għall-Awtorità Maltija għat-Turiżmu fi New York.
“Ħafna membri qaluli li għadhom iżuru Malta ta’ spiss, u laqgħu b’ferħa l-aħbar reċenti dwar it-titjiriet diretti bejn Malta u l-Istati Uniti. Inħeġġiġkom ukoll biex tħajru lill-ħbieb tagħkom iżuru lil Malta; flimkien nistgħu nkomplu nsaħħu s-suċċess tal-industrija tat-turiżmu,” qal Dr Borg.
Id-Deputat Prim Ministru kien akkumpanjat mill-Ambaxxatur ta’ Malta għall-Istati Uniti, Godfrey Xuereb, u l-Konslu Ġenerali ta’ Malta fi New York, Denise Demicoli. Hi spjegat li “l-Konsolat jemmen bi sħiħ li attivitajiet bħal tal-lum huma importanti biex il-komunità Maltija tibqa’ magħquda, filwaqt li jgħinuna nibqgħu nifhmu l-modi differenti kif nistgħu nkunu ta’ servizz lin-nies tagħna hawnhekk.”
Il-President taċ-Ċentru Malti f’Astoria, Eddie Debono, irringrazzja lid-Deputat Prim Ministru Borg ta’ din iż-żjara, u rrimarka li minkejja r-riżorsi limitati tal-klabb, dan xorta jibqa’ jiffjorixxi. “Aħna napprezzaw ħafna l-appoġġ u l-inkoraġġiment li nirċievu minn Malta. Minkejja r-riżorsi limitati, xorta nagħmlu kisbiet kbar. Nixtieq ukoll nirringrazzja lill-membri u l-voluntiera kollha tagħna għall-impenn tagħhom. Iċ-Ċentru mhuwiex biss ċelebrazzjoni tal-kultura u t-tradizzjonijiet tagħna, imma għandu wkoll irwol attiv fit-tagħlim u l-ħarsien tal-lingwa u l-wirt Malti għall-ġenerazzjonijiet futuri,” hu spjega.
Matthew Spiteri, li emigra lejn New York disa’ snin ilu, żied jgħid li “l-istorja tal-emigrazzjoni Maltija, l-istorja u d-dijaspora tagħna huma tassew interessanti, u attivitajiet bħal dawn jgħinu biex il-kultura Maltija tibqa’ ħajja. Il-klabb jorganizza bosta attivitajiet kull ġimgħa li jiċċelebraw it-tradizzjonijiet u l-kultura Maltija.”
Għal ħafna emigranti Maltin, bħal Suelle Micallef Marmara, iċ-Ċentru Malti huwa dar ‘il bogħod mid-dar. “Ilni fl-Istati Uniti għal dawn l-aħħar sitt snin u xahrejn fi New York. Hekk kif sirt naf dwar iċ-Ċentru Malti, ingħaqadt minnufih. Tawni merħba mill-isbaħ u tassew inħossni milqugħa daqs li kieku qiegħda d-dar hawnhekk,” hija qalet.