Il-possibbiltà li jiġu żviluppati servizzi ta’ kura paljattiva għat-tfal fil-komunità u fuq medda itwal ta’ żmien, hospice dedikat, kienet fiċ-ċentru tad-diskussjonijiet waqt żjara li d-Deputat Prim Ministru Ian Borg għamel fil-binja tal-Fondazzjoni Karl Vella f’Burmarrad.
Matul iż-żjara, id-Deputat Prim Ministru ltaqa’ mat-tmexxija u mal-professjonisti tal-Fondazzjoni, li spjegawlu x-xogħol li qed isir biex jiġu megħjuna t-tfal u l-familji milquta minn mard serju jew telfa. Il-laqgħa kompliet tibni fuq diskussjonijiet li diġà saru bejn il-Fondazzjoni u t-tmexxija tal-Ministeru għas-Saħħa.
Il-Fondazzjoni Karl Vella twaqqfet fl-2014 u toffri appoġġ psikoloġiku mingħajr ħlas. Il-ħidma tagħha tinkludi terapija individwali u fi gruppi, appoġġ edukattiv u attivitajiet li jgħinu lit-tfal u lill-adolexxenti jesprimu l-emozzjonijiet tagħhom u jħossuhom mifhuma. Il-Fondazzjoni toffri wkoll appoġġ psikoterapewtiku lill-pazjenti li jkollhom bżonn kura barra minn Malta, lil min jieħu ħsiebhom u lill-familji tagħhom u bħalissa qed tappoġġja ’l fuq minn 400 ruħ permezz ta’ dawn is-servizzi.
“Ħadt pjaċir li, wara l-laqgħat li diġà saru bejn il-Fondazzjoni u t-tmexxija tal-Ministeru għas-Saħħa, stajt inżur personalment din il-Fondazzjoni u nara mill-qrib il-ġid li tagħmel permezz tas-servizzi essenzjali tagħha. Dawn is-servizzi jgħinu mhux biss lill-pazjenti, iżda wkoll lill-persuni li jkunu qrib tagħhom f’mumenti diffiċli. Inħares ’il quddiem biex inkomplu niżviluppaw ideat u flimkien naħdmu sabiex ikunu jistgħu jsiru realtà,” qal id-Deputat Prim Ministru.
Id-Direttriċi u Ko-Fundatriċi tal-Fondazzjoni Karl Vella, Claire Chircop, qalet li qed issir ħidma b’mod partikolari fuq il-possibbiltà li ssaħħaħ is-servizzi disponibbli għat-tfal li jeħtieġu kura paljattiva u għall-familji tagħhom. “Kien ta unur li nilqgħu lid-Deputat Prim Ministru fid-dar tagħna u naqsmu miegħu s-servizzi li qed noffru. Fl-istess waqt, iddiskutejna wkoll il-proġetti ġodda li għandna quddiemna. Qegħdin naħdmu b’mod partikolari biex inkunu nistgħu noffru kura paljattiva lit-tfal, servizz li sal-lum għadu mhux offrut hawnhekk,” qalet Chircop.
Il-Fondazzjoni ġġib l-isem ta’ Karl Vella, fotografu u ħaddiem fl-Isptar Mater Dei li, minkejja li kien qed jissielet mal-kanċer, baqa’ magħruf għall-kuraġġ tiegħu u għall-appoġġ li kien jagħti lil pazjenti oħra. Karl miet fis-16 ta’ Frar 2014, fl-età ta’ 37 sena. Il-Fondazzjoni żżomm ħajja l-memorja u l-ġenerożità tiegħu permezz tal-appoġġ li tagħti lill-familji f’mumenti diffiċli.
Il-Ministeru għas-Saħħa u l-Fondazzjoni Karl Vella se jkomplu jesploraw diversi proposti u l-passi meħtieġa biex servizzi ta’ din ix-xorta jkunu jistgħu jiġu żviluppati skont il-ħtiġijiet tal-pazjenti u tal-familji tagħhom.

