Fil-medja, deher rapport dil-ġimgħa dwar appell kontra deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar fuq l-użu ta’ firxa kbir ta’ art agrikola barra miż-żona tal-iżvilupp li ilu sejjer tnax-il sena. Sadattant l-art għadha tintuża għal ħidmiet ta’ bini u ta’ ħażna kontra kull regola u raġuni.
Fl-istess żmien, ġurijiet ewlenin u kawżi gravi ilhom pendenti s-snin, inklużi ta’ qtil.
Baqgħu jinġabu diversi raġunijiet strutturali u dwar riżorsi għaliex dan qed jiġri. Dwar dewmien fil-proċeduri tal-qrati veru li kien hemm xi titjib matul is-snin. Il-problema hi li għadna lura ħafna. X’aktarx li ninsabu fl-agħar qagħda fost il-pajjiżi Ewropej kollha. Qatt mhu ċar biżżejjed xinhu jdewwem il-progress fuq medda twila ta’ żmien. Sfida bħal din tintlaqa’ billi fuq medda hekk, jitwettaq pjan li jiffaċċja l-fatturi negattivi kollha u jsolvihom. Wieħed kien jistenna li ħaġa bħal din setgħet tiżvilupppa aħjar fi żmien meta s-success ekonomiku tal-pajjiż kellu jippermetti t-tħaddim ta’ kemm riżorsi huma meħtieġa. Għaliex dan ma ġarax?
FRANZA U L-ĠERMANJA
Huma ż-żewġ pajjiżi li l-aktar jistgħu jagħtu jipproponu direzzjoni soda għall-Unjoni Ewropea, flimkien; talanqas żgur li mingħajr il-qbil tagħhom ftit tista’ titmexxa politika Ewropea ta’ nifs. Fl-aħħar snin, Franza u l-Ġermanja ma tantx qablu bejniethom; mingħajr ma tlewmu huma birdu lejn xulxin. Kemm ilu li nbidel il-gvern Ġermaniż, dil-qagħda tjiebet, saret aktar viċina, anke kordjali.
Madankollu l-gvernijiet taż-żewġ pajjiżi jinsabu t-tnejn dgħajfa. Ekonomikament u finanzjarjament, il-Ġermanja riesqa lejn kriżi. L-istess sitwazzjoni qed taffaċċja lil Franza, anzi agħar. Il-gvern Franċiż mistenni jaqa’ u l-President Franċiż Macron jinġab bla eżekuttiv abbli. Fiż-żewġ pajjiżi l-lemin estrem qed isir l-akbar forza politika. Diffiċli tara kif il-ħbiberiija tagħhom se jirnexxilha tagħti r-rankatura meħtieġa lill-politika tal-kontinent.
SA FEJN SE JASLU?
Meta tkun riesqa elezzjoni, hi ħaġa naturali li l-partiti politiċi li jkunu se jikkontestaw jagħmlu riflessjoni mifruxa dwar x’se jipproponu lill-elettorat. Ġeneralment din tiffoka fuq x’għandhom iwegħdu li l-votanti jixxenqu għalih, kif iridu jwettquh u kif se jikkonvinċu dwaru. M’hemm xejn x’tikkritika fi strateġija bħal din.
Biss ta’ spiss titħaddem b’difett importanti. X’aktarx li ma jsir l-ebda sforz ta’ awto-kritika – analiżi ta’ fejn u għaliex il-partit li jkun, mill-gvern u mill-oppożizzjoni, ħa xi falza stikka jew ma rnexxilux iwettaq dak li kien intenzjonat jagħmel. Fuq il-bażi ta’ stħarriġ bħal dan, il-partit jista’ jibdel, anke jabbanduna, proposti tal-imgħoddi jew għax kienu żbaljati jew mhux siewja biżżejjed. Minflok, ġeneralment il-pakkett ta’ proposti elettorali jispiċċa programm ta’: aktar minn “kollox bħal qabel”.