Friday, December 20, 2024

ID-DGĦJUFIJA TAL-UE FIL-POLITIKA INTERNAZZJONALI

Aqra wkoll

Proprju fl-aħħar sigħat il-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda approva riżoluzzjoni li permezz tagħha sejjaħ għall-waqfien immedjat mill-ġlied f’Gaża. Għall-ewwel darba mindu beda l-kunflitt fil-bidu ta’ Ottubru li għadda, rajna l-Istati Uniti tbiddel ftit il-pożizzjoni tagħha. Dan għax l-Istati Uniti ma użatx il-veto biex ir-riżoluzzjoni ma tgħaddix. Ir-riżoluzzjoni approvata sejħet ukoll għall-ħelsien immedjat tal-ostaġġi li għadhom maqbudin f’Gaża. 

It-tama hi li dan il-waqfien mill-ġlied mill-iseħħ, allavolja l-approvazzjoni tar-riżoluzzjoni sar kważi sitt xhur wara li będą l-kunflitt, bil-vittmi kollha li dan ħalla.

Ta’ min jgħid li ammont ta’ xhur ilu l-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Maqgħuda approva riżoluzzjoni minn Malta,  liema riżoluzzjoni sejħet għall-pawżi estiżi umanitarji f’Gaża. L-istess riżoluzzjoni talbet biex jinħelsu l-ostaġġi li nħatfu mill-Ħamas. Ir-riżoluzzjoni mressqa minn pajjiżna għaddiet bi 12-il vot favur,  tliet astensjonijiet u ebda vot kontra. Kienet ħasra li dakinhar kemm l-Ambaxxatur għall-Istati Uniti u anke dak għar-Renju Unit, iddeċidew li jastjenu mill-vot. Skont huma dan sar għax ir-riżoluzzjoni ma tispeċifikax kundanna għall-attakki tal-Ħamas li saru fit-7 ta’ Ottubru. Huma argumentaw li kienu dawn l-attakki li wasslu għar-ritaljazzjoni minn Iżrael. 

Imma lil hinn minn dawn ir-riżoluzzjonijiet, l-aħħar aħbarijiet minn  Gaża u l-madwar huma inkwetanti. Is-sofferenzi għadhom għaddejjin. Sofferenzi kbar fosthom nuqqas ta’ ikel u bżonnijiet fosthom mediċinali. 

B’dan f’moħħna, il-ħsieb imur lejn x’qed tagħmel l-Unjoni Ewropea. U anki hawn għal darba oħra qegħdin naraw Unjoni Ewropea dgħajfa ħafna quddiem kriżi umanitarja. Kriżi li donna meta tissemma, isemmuha u jiddiskutuha biss għal gallerija. Biex taparsi ikunu ddiskutewha.  Fejn hi r-rieda minn naħa tal-Unjoni Ewropea li tara li jieqaf il-ġlied, li minnu qegħdin ibatu u jinqatlu persuni ċivili?  Meta se naraw Unjoni Ewropea li verament taħdem għall-paċi?  Meta se naraw Unjoni Ewropea b’vuċi verament b’saħħitha?

Ma nistgħux ma nistaqsi l-Unjoni Ewropea x’qiegħda tagħmel. X’deċiżjonijiet politiċi qiegħda tieħu bil-għan li fir-reġjun jerġa’ jirrenja l-paċi.  M’hemm ebda dubju li l-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea, li ilha żmien tipprova tistabbilixxi ruħha fil-qasam tal-politika internazzjonali, kienet waħda dgħajfa għall-aħħar. 

Quddiem din it-traġedja umana konna nistennew Unjoni Ewropea attiva. Unjoni Ewropea li tieħu rwol ċentrali. Taġixxi biex terġa’ tinħoloq l-istabbilità u tirrenja l-paċi.  Nistennew dan għax l-Unjoni Ewropea twaqqfet fuq it-tħaris għad-drittijiet tal-bniedem.  X’jiswa li jkollok id-drittijiet umani u l-bżonn li dawn jitħarsu u jkunu protetti, jekk quddiem kriżi kbira għal ma hi dik tal-kunflitt f’Gaża, kull ma tkun kapaċi tagħmlu hu reazzjoni dgħajfa.

Bla dubju l-mod kif aġixxiet l-Unjoni Ewropea kien falliment politiku u morali.  F’dan il-mument id-dinja, b’mod partikolari ir-reġjun tal-lvant nofsani kellu bżonn li l-Unjoni Ewropea ssemma’ leħinha b’qawwa.  Fejn hi l-medjazzjoni fil-kunflitt? Fejn huma s-soluzzjonijiet diplomatiċi? Minn dawn ma rajna xejn. Rajna biss dikjarazzjonijiet vagi. Dikjarazzjonijiet għal gallerija. Ma’ dawn imbagħad kien hemm dikjarazzjonijiet li taw appoġġ lil Iżrael, u li dawn ma kellhom l-ebda approvazzjoni u appoġġ minn diversi Stati membri. 

Dan il-kunflitt għal darba oħra kixef li fil-qasam internazzjonali għandha Unjoni Ewropea bla direzzjoni. Fejn huma s-sejħiet li suppost isiru f’kunflitt bħal dan – dak tal-waqfien mill-ġlied. Għaliex l-Unjoni Ewropea żammet lura milli titkellem fuq waqfien mill-ġlied.  Għaliex f’kunflitti oħra, l-Unjoni Ewropea ikkritikat u sew għamlet meta kien hemm ksur ta’ drittijiet umani, imma f’dan il-kunflitt adottat pożizzjoni dgħajfa?

Dan kien test ieħor għall-Unjoni Ewropea. Kellha l-opportunità li turi li verament li hi attur globali ewlieni.  Dan ma ntweriex. Ir-raġunijiet għal dan huma diversi. L-Unjoni Ewropea, wara t-Tieni Gwerra Dinjija inbniet fuq prinċipji sodi. Prinċipji li jħarsu d-drittijiet umani. Prinċipji favur il-paċi. Favur il-koperazzjoni. Quddiem reazzjoni dgħajfa, il-mistoqsija hi fejn spiċċaw dawn il-prinċipji? Fuq kollox lejn fejn tinsab sejra l-Unjoni Ewropea, imwaqqfa oriġinarjament biex ma jsirux aktar gwerer fl-Ewropa?  Qegħdin ngħidu dan għax kontinwament u b’mod aggressiv qegħdin nisimgħu dikjarazzjoni ma jaqtgħu xejn fuq il-bżonn li tiżdied in-nefqa fuq l-armamenti.

Ekonomija

Sport