Din hija mistoqsija li nisimgħuha spiss bejn xi żewġ persuni qed jixtru mis-supermarket jew qed jgħidu kelma bejn il-ħbieb. Jgħidulek qiegħed tgħaddi bid-dħul tiegħek? Ikollox flus biżżejjed fil-but? Iservuk il-flus? Ikollok flus biex tkun tista’ tagħmel kapriċċ? Ikollok biżżejjed flus biex tkun tista’ tmur tiekol mal-familja fi tmiem il-ġimgħa jew tixtri ġugarelli lil uliedek? Hekk kif kull individwu fis-soċjeta għandu jgħix ħajja diċenti, jgħix b’dinjita, fejn jista’ anke jagħmel kapriċċ kultant u mhux ħidma u ħlasijiet biss.
Minn dawn il-mistoqsijiet jibdew jinqalgħu diversi argumenti dwar kemm il-ħajja għoliet, speċjalment dan l-aħħar, kemm għandna spejjeż li qabel ma kellniex bħall-ħlas tal-mobile, tal-internet, għall-istazzjonijiet televiżivi, assigurazzjonijiet eċċ.
Permezz ta’ ħidma konġunta bejn il-General Workers’ Union (GWU), l-Alleanza kontra l-faqar (AKF) u l-Moviment Graffitti tnieda studju professjonali ‘The Maltese Living Income’ li l-għan tiegħu huwa li jiddefinixxi u jikkalkula x’inhu l-Living Income għal tipi ta’ familji u individwi differenti f’Malta.
Studju li wasal fi tmiemu u se jiġi ppreżentat fi ftit ġranet oħra wara ħidma flimkien li ilha għaddeja madwar sena u nofs. Studju fejn se jkun stabbilit jekk hawnx familji u individwi li d-dħul tagħhom mhuwiex biżżejjed biex jgħixu ħajja diċenti. Meta qed nitkellmu fuq dħul, qed nagħmlu dan f’qafas totali li jista’ jinkludi l-aspetti kollha bħall-paga, il-benefiċċji soċjali, il-pensjoni, l-edukazzjoni u s-saħħa, fost oħrajn mingħajr ir-riskju ta’ faqar.
Permezz ta’ dan l-istudju għandu jiġi stabbilit il-livell tad-dħul meħtieġ biex persuni f’kuntesti soċjo-ekonomiċi differenti ikunu jistgħu jgħixu ħajja diċenti u dinjituża.
Il-Living Income huwa proprju dak il-livell minimu ta’ dħul li bih familja jew individwu f’Malta tkun qed tgħix ħajja diċenti u dinjituża mingħajr ir-riskju ta’ faqar. Dan jiġi kkalkulat abbażi ta’ baskett ta’ prodotti u servizzi li huma bżonnjużi.
Studju li minnu għandhom jiġu identifikati żewġ punti prinċipali – iċ-ċirkostanzi li jwasslu biex id-dħul ta’ ċerti persuni ma jlaħħaqx il-Living Income u jidentifika l-gruppi fis-soċjetà li huma l-iktar f’riskju li jkunu f’din is-sitwazzjoni.
Biex imbagħad permezz ta’ stampa ċara li toħroġ minnu l-imsieħba soċjali u l-policy makers jersqu ‘l quddiem għar-riformi meħtieġa hekk kif nemmnu u naraw li hawn nies f’Malta, ħafna minnhom ħaddiema u l-familji tagħhom, li minkejja li forsi għandhom xogħol u mhux qegħdin fil-faqar estrem, xorta qegħdin f’qagħda li hija diffiċli ħafna.