Wednesday, March 27, 2024

Malta għall-ewwel darba fil-Kampjonati Mondjali taċ-Ċikliżmu

Aqra wkoll

Malta għadha kif kitbet paġna ġdida fil-qasam taċ-Ċikliżmu Mondjali meta ħadet sehem għall-ewwel darba fil-Kampjonati Mondjali. Dan seħħ il-Ħadd 18 ta’ Settembru 2022  f’Wollongong, New South Wales, l-Awstralia. Żewġ ċiklisti ta’ dixxendenza Maltija u li jinsabu jgħixu fl-Awstralja, Daniel Bonello u Alexander Smyth ħadu sehem fit-Time Trial fuq iċ-ċirkwit ta’ Wollongong fuq distanza ta’ 34.2km.

Daniel Bonello kellu prestazzjoni mill-isbaħ meta temm iż-żewġ dawriet tiegħu f’ħin ta’ 44:57.14, filwaqt li Alexander Smyth temm il-ġirja tiegħu f’47:14.64. Din it-Time Trial intrebħet minn Norveġiż  Tobias Foss f’ħin ta’ 40:02.78. Stefan Kung tal-Isvizzera spiċċa t-tieni u l-Belġjan Remco Evenepoel it-tielet.

Dawn il-UCI Road World Championships 2022 ikomplu matul din il-ġimgħa b’diversi tiġrijiet ta’ kategoriji oħra. Il-kontingent Malti qed jitmexxa mis-segretarju ġenerali tal-Federazzjoni Maltija taċ-Ċiklizmu Joe Bajada li matul dawn il-jiem qed ikollu diversi laqgħat oħra, kif ukoll is-sehem tiegħu bħala voting delegate fil-Kungress tal-Ħamis li ġej. Bl-intervent f’waqtu mill-istess Bajada, mal-President tal-UCI David Lappartient, Malta ingħatat wild card biex il-Ħadd li ġej Daniel Bonello jkun jista jieħu sehem ukoll fir-Road Race,  tiġrija li ser tibda f’Helensburgh fuq distanza ta’ 266.9 km.

Intant il-kontinġent Malti kien mistieden mill-klubb tal-Maltin ta’ Illawarra fiċ-Ċentru Kulturali ta’ Cringila. F’din l-attivita’ ħadu sehem ukoll personalitajiet distinti fosthom is-Sindku ta’ Wollongang Gordon Bradbery u l-Konslu Malti ta’ NSW Lawrence Buhagiar. F’diskors tal-okkażjoni li sar mill-President tal-Klubb Louis Parnis huwa qal li kien ta’ sodisfazjon kbir għalihom li mhux biss jilqgħu lil kontinġent Malti iżda wkoll li għamlu minn kollox biex din iż-żjara f’Wollongong kienet ta’ suċċess. Minn naħa tiegħu, Joe Bajada radd ħajr lill-istess Parnis għal dak kollu li huwa u martu Lina għamlu magħhom ta’ sapport kontinwu f’din il-mawra Awstraljan.

Ekonomija

Sport