Tuesday, January 6, 2026

Id-DIER investigat mal-1,000 każ

Bejn Jannar u Novembru tal-2025

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Bejn Jannar u Novembru ta’ din is-sena, id-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg (DIER) irreġistra mal-1,000 każ ta’ investigazzjoni. F’dan l-istess perjodu, id-Dipartiment irrefera 185 każ lill-pulizija biex jinbdew proċeduri legali fil-Qorti. 

Mill-investigazzjonijiet totali, f’dawk il-każi li rriżultaw f’talbiet finanzjarji, u permezz tal-isforzi diretti tal-uffiċjali tad-dipartiment, il-pagi li ngħataw lura lill-ħaddiema – bil-patt li d-Dipartiment ma jipproċedix bil-Qorti – kienu jammontaw għal aktar minn €2 miljun.

Meta wieħed iħares lejn is-sezzjoni tal-Customer Care, din it-taqsima immaniġġjat ’il fuq minn 21,000 telefonata permezz tal-helplines iddedikati tagħha: il-freephone 1575 (għall-impjegati) u l-freephone 1576 (għal min iħaddem). 

Dan tħabbar mid-Direttur Ġenerali tad-DIER, Diane Vella Muscat, f’intervista ma’ L-Orizzont fejn spjegatilna li l-kwistjonijiet ewlenin tal-ħaddiema kienu relatati l-aktar mal-pagi u rati ta’ sahra fost oħrajn, filwaqt li kien hemm ukoll kwistjonijiet relatati mal-kunċett tal-equal pay fil-privat. 

Dwar l-aġenziji tal-impjieg, Vella Muscat qalet li “din is-sena ħriġna 37 recruitment u 50 oħra ta’ temping u outsourcing. Għandna ’l fuq minn 100 investigazzjoni. L-aktar li kellna, innutajna li mis-sistema tagħna jkollhom liċenzja, ġiet skaduta u ma ġeddewx. Aħna ninvestigaw biex naraw jekk għadux jagħmel dak ix-xogħol.”

Mistoqsija dwar il-pakkett ta’ miżuri soċjali intiżi li jgħinu lill-familji, li se jidħlu fis-seħħ b’mod ħolistiku mill-1 ta’ Jannar li ġej, fosthom il-miscarriage leave, id-Direttur Ġenerali tad-DIER qalet li dawn ġabu rivoluzzjoni fis-sens li qed jagħrfu l-bżonnijiet tal-familji f’mumenti daqstant delikati. 

“Kemm il-mara u l-partner tagħha se jkollhom bżonn dak il-ftit ħin barra mill-uffiċċju, barra mill-post tax-xogħol kemm għal raġuni medika kif ukoll psikoloġika,” qalet Vella Muscat. 

Bl-introduzzjoni ta’ din il-liġi, mill-bidu tas-sena d-dieħla, nisa li jkorru u kif ukoll il-partner tagħhom, se jingħataw sebat ijiem leave tax-xogħol mingħajr telf ta’ paga, b’dan il-leave se jkun qed jagħmel tajjeb għalih il-Gvern.

Hija fakkret ukoll fil-miżura tal-urgent family leave, total ta’ 32 siegħa li jistgħu jintużaw f’każ ta’ emerġenza. Dawn m’hemmx għalfejn jittieħdu f’jiem imma jistgħu wkoll jittieħdu f’sigħat. 

Vella Muscat qalet ukoll li miżura oħra li għad irridu naraw il-frott tagħha s-sena d-dieħla hi dik tal-pagamenti fil-kont bankarju tat-TCNs speċjalment f’xogħlijiet li huma l-aktar assoċjati mal-prekarjat bħalma huma tad-deliveries.

Dwar il-prinċipju tal-Equal Pay for Work of Equal Value, hija qalet li sar ħafna xogħol fejn kien hemm min diġà tħallas u oħrajn li se jkunu qed jitħallsu fil-jiem u l-ġimgħat li ġejjin. 

Sadanittant, hija esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għall-fatt li ħaddiema li jwasslu l-ikel fid-djar sabu l-kuraġġ li jersqu għand il-GWU biex ikollhom id-drittijiet tagħhom imħarsa. Dan il-pass wassal biex il-GWU tiffirma MoU mal-Malta Delivery Fleet Operators Association (MDFOA) li se jistabbilixxi qafas ċar għall-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-couriers tal-ikel f’pajjiżna. 

Fl-MoU hemm stipulat li sal-1 ta’ Jannar 2026, għandhom ikunu  konklużi l-Ftehim Kollettivi mal-operaturi kollha membri tal-MDFOA, sabiex jiġu rregolati diversi kundizzjonijiet bħall-pagi bażiċi, il-ħinijiet tax-xogħol, il-ħlasijiet ta’ overtime, l-adozzjoni obbligatorja ta’ pagamenti mhux fi flus kontanti u s-sħubija tal-impjegati f’unjin. 

Id-Direttur Ġenerali tad-DIER tenniet li din għandha sservi ta’ eżempju għal setturi oħra. 

Finalment, hija qalet li l-2026 se tkun waħda mimlija ħidma speċjalment f’dak li jirrigwardja l-Pay Transparency Directive. Temmet tappella biex dawk kollha li għandhom negozji u anke lill-ħaddiema li qed isibu xi diffikultajiet, ma jiddejqux javviċinaw lid-Dipartiment sabiex jingħataw l-assistenza li għandhom bżonn. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport