Monday, November 18, 2024

Id-differenza fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa f’Malta niżlet għal 10%

Aqra wkoll

Filwaqt li saħqet li pajjiżna għad fadallu x’jaqdef f’dan ir-rigward, mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela nnutat kif id-differenza fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa niżlet għal 10% u hija taħt il-medja Ewropea, madankollu rrimarkat li rridu nibqgħu naħdmu lejn ugwaljanza totali.

Dr Abela qalet dan f’dikors li għamlet f’għeluq konferenza bit-tema ‘Are we there yet?’ fejn sostniet ukoll li flimkien nistgħu nġibu bidla soċjali, kulturali u anki ekonomika biex ma tkun tollerata l-ebda tip ta’ diskriminazzjoni.

Fil-konferenza organizzata lejliet il-Jum Internazzjonali għan-Nisa, Dr Abela nnutat li pajjiżna mexa ’l quddiem f’dak li għandu x’jaqsam mad-differenza fis-salarji bejn nisa u rġiel, dik magħrufa bħala l-gender pay gap.

Lydia Abela semmiet ukoll il-ħtieġa ta’ iżjed parteċipazzjoni tan-nisa f’oqsma marbuta max-xjenza, it-teknoloġija u l-inġinerija fost oħrajn. Qalet li huwa meħtieġ li jkollna iżjed nisa jaħdmu f’oqsma marbuta mal-innovazzjoni u l-intelliġenza artifiċjali, setturi tal-preżent u l-futur.

Hija rreferiet ukoll għall-vjolenza abbażi tal-ġeneru bħala realtà diffiċli fis-soċjetà u laqgħet aktar passi biex tiġi miġġielda din l-isfida soċjali. Hawn semmiet ukoll l-irwol ta’ Malta fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti fejn fuq l-aġenda hemm it-tema favur ugwaljanza bejn is-sessi.

Fissret ukoll l-importanza li stakeholders differenti jkomplu jiġu flimkien fl-emanċipazzjoni tal-mara u biex aktar nisa jkunu fil-qalba tad-deċiżjonijiet f’soċjetà aktar ugwali.
 

Ekonomija

Sport