Sunday, November 3, 2024

Id-differenzi għandhom iqarrbuna lejn xulxin…forsi ma nibqgħux ninħlew nirreżistu dak li hu irreżistibbli

Mons Joe Vella Gauci, Ambaxxatur għal UNESCO b’diskors analitiku

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-pressjonijiet f’pajjiżna jinħassu ċari. Fuq naħa għandna l-element ta’ konservattiviżmu nostalġiku estrem fejn hawn min irid jiffossilizza ruħu 20, 30, 40 sena ilu u l-hena tagħhom jibku l-imgħoddi. Hemm imbagħad l-element ta’ liberaliżmu sfrenat li qisu b’vendetta minn dak kollu li kien fl-imgħoddi, irid jara kif se jiġri ’l quddiem biex ilaħħaq, jew saħansitra jgħaddi lill-progress reġistrat fil-kontinent Ewropew. It-tnejn huma pressjonijiet li qegħdin joħduna pass pass ’il quddiem. Id-differenzi għandhom ikunu huma li jqarrbuna lejn xulxin għax iqiegħduna fi djalogu u aħjar minn hemm f’relazzjoni li se timplika li naħdmu flimkien b’għan wieħed – il-ġid ta’ pajjiżna.

Hekk forsi ma nibqgħux noħduha bi kbira li hawn dan it-taħlit. Hekk forsi ma nibqgħux ngħejjew u ninħlew nirreżistu dak li hu irreżistibbli. Ir-Repubblika tagħna, lesta biex tiddjaloga? Jew tippreferi tgħaddi erba’ kummenti rħas fuq il-bank tal-pjazza u tkun imliet żaqqha b’dak li qalet hi stess lilha nnifisha? Ir-Repubblika tagħna, trid tisma’ xi ħaġa ġdida, li mhux neċessarjament iddoqq għal widnejha?

Dan iddikjarah l-Ambaxxatur u Delegat Permanenti ta’ Malta għall-UNESCO u Ċerpersin tal-Kumitat Festi Nazzjonali u Reġjonali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex, Mons Joe Vella Gauci.

F’diskors analitiku għall-aħħar waqt li tfakkar Jum ir-Repubblika f’Għawdex, hu qaxxar is-sitwazzjoni f’pajjiżna u fejn tinsab ir-Repubblika llum.

Beda biex qal li “fl-okkażjoni ta’ Jum ir-Repubblika, sena ilu, kont qajjimt il-mistoqsija dwar x’qed tgħid ir-Repubblika Maltija fil-kuntest ta’ dak li kien qiegħed jiġri madwarna… dak li kien u li għadu qiegħed jiġri madwarna. Kont staqsejt jekk aħna l-Maltin kienx qiegħed jinteressana mill-gwerra sempliċiment xħin insibu prezzijiet ogħla fuq l-ixkafef tal-ħwienet jew xħin nisimgħu li l-pajjiżi qed jivvutaw flushom għall-gwerra flok għal affarijiet oħra jew xħin niġu biex nagħtu l-karità u daqshekk. Il-ħsieb tiegħi, onestament, kien li ħafna drabi nkunu aljenati fuq dak li jkun qiegħed jiġri madwarna u ‘nafdaw’, jekk nista’ nuża din il-kelma, ‘nafdaw’ iżżejjed fuq il-klassi politika biex tieħu hi d-deċiżjonijiet għalina sewwa jekk inhuma affarijiet internazzjonali u sewwa jekk inhuma affarijiet domestiċi. U din is-sena fuq din xtaqt nirrifletti l-aktar. Fuq kemm il-poplu Malti qiegħed isuq id-destin tiegħu hu, jew kemm qiegħed iħalli lil ħaddieħor, forsi lill-klassi politika, tmexxilu d-destin tiegħu hi.”

L-Omoġenjità fil-Mediterran

“Mela Alla poġġiena f’nofs il-Mediterran; benniena taċ-ċiviltajiet – il-lingwi Rumanzi, il-lingwi Semitiċi, il-Kristjaneżmu u d-dinja Musulmana, il-kulturi Għarab, Afrikani, tal-Lvant u tal-Punent. Dan il-Mediterran tagħna huwa qawsalla sħiħa. U Malta tinsab preċiżament f’nofsu. Omoġenju dan il-Mediterran tagħna?

L-Omoġenjità f’Malta tal-1974

“Fl-1974, il-Kostituzzjoni Maltija ppruvat toħloq verżjoni standardizzata tan-nazzjon Malti. Malta Indipendenti, b’Kap ta’ Stat Malti, maħtur mid-deputati eletti Maltin; Malta Kattolika u l-bqija. Imma diġà fl-1974, din l-istess Kostituzzjoni bdiet tbexxaq il-bieb għall-pluraliżmu u d-diversità. Tirrikonoxxi r-Reliġjon Kattolika bħala r-reliġjon tal-istat, imma tippermetti l-libertà reliġjuża u l-libertà tal-kuxjenza. Mela ħa nagħmel l-istess mistoqsija għal Malta; Malta tagħna hija omoġenja? Il-Maltin huma kollha l-istess?

L-Omoġenjità f’Malta Ewropea

“Imbagħad fl-2004 dħalna fl-Unjoni Ewropea. Sirna membri sħaħ ta’ unjoni kbira bħal din. Mela jekk aħna ulied il-Mediterran… jekk ilna diġà b’xi mod pluralisti mill-Kostituzzjoni tal-1974, forsi bla ma nafu, jekk issa ilna għoxrin sena membri ta’ din l-Unjoni daqstant kbira u varjata, kif nibqgħu mingħalina li aħna omoġenji? Kif nibqgħu mingħalina li aħna verżjoni waħda? Kif nibqgħu nibku għal dak li mingħalina kien?”, tenna Mons Vella Gauci.

Il-Konsistenza

Iddikjara li “llum qed nagħmel stedina lir-Repubblika Maltija biex tħares sewwa lejha nfisha u xħin taraha li qed tinbidel, ma tibkix nostalġija skaduta u ma tgħannix għanja inkonsistenti. Bħal ġuvni jew tfajla li f’nifs wieħed jixtiequ jikbru biex jilħqu l-età tal-maturità, u fl-istess nifs imbagħad jibku għax ħarġet tikmixa ’l hemm jew xagħra bajda ’l hawn. Xi rrid ngħid? Għal ħafna minna ma nsibux problema xħin immorru f’restorant u lil min iservina rridu nkellmuh bl-Ingliż. Għax uliedna li jitkellmu l-Malti ma jridux jaħdmu ta’ wejters.

Għal ħafna minna ma nsibux problema xħin immorru l-ajruport u min qed jaqdina huwa barrani u jkellimna bit-tbissima. Min hu komdu, isibu komdu fid-dar ta’ ommu u missieru jdaħħal barrani biex idur bihom u jara li ma jkun jonqoshom xejn. Imma mbagħad il-moskea jew is-sinagoga ma jridhiex wara daru. Imbagħad lill-Indjani jiċċelebraw id-Diwali ma jridx jarahom fit-triq. Imbagħad fuq is-sufan tad-dar, mhux dejjem għandna aġġettivi sbieħ fid-direzzjoni tal-‘barranin’, li anki jekk ilhom jgħixu fostna 20, 30 sena, għalina għadhom barranin. Din hija l-inkonsistenza li għandi f’moħħi.”

Quddiem il-bidla

Saħaq li “quddiem dan it-trapass, quddiem din il-mogħdija tas-snin minn fuq ir-Repubblika tagħna, naħseb li rridu nagħmlu eżami introspettiv li minnu joħorġu 4 aspetti ta’ fejn qed tinbidel ir-Repubblika tagħna. L-Ewwel Punt: Id-dinja qed tinbidel u Malta tagħna qed tinbidel pariġġ. Ir-rispons tagħna għal din il-bidla hija l-proprja tifsira tal-kelma ‘kultura’. Il-kultura mhix biss il-high culture – il-kunċerti mużikali, l-opri u l-pitturi. Il-kultura hija l-mod ta’ kif inhuma magħġuna n-nies, bi lsienhom, anki jekk żorr, bi drawwiethom, anki jekk strambi bi mġibithom, anki jekk kontroversjali. Biċ-ċavetta li konna nħallu fil-bieb; Bil-bieb li konna nħallu miftuħ fuq l-antiporta; Bl-antiporta li konna nħalluha miftuħa fuq il-purtiera. Dik hija l-ewwel strata tal-kultura. U din ma tistax tiffossilizza ruħha għax din hija rispons ambjentali u temporali għall-bidliet li jseħħu madwarna.”

“It-tieni aspett huwa l-libertà tar-reliġjon u t-twemmin. Ifhmuni: libertà tar-reliġjon u tat-twemmin – “freedom of religion and belief’ – allura twemmin reliġjuż, ideoloġiji, filosofija tal-ħsieb, valuri u prinċipji. Din ukoll hija xi ħaġa li qiegħda tevolvi fuq ir-Repubblika ta’ Malta, issa fuq l-għatba tal-50 anniversarju tagħha. Kien hemm żmien fejn l-prinċipji ideoloġiċi kienu jinqasmu fi tnejn: – lemin jew xellug; aħmar jew ikħal. Illum il-prinċipji ideoloġiċi jġibu l-ilwien kollha tal-qawsalla” kompla jgħid Mons Vella Gauci.

Enfasizza li “t-tielet aspett huwa t-turiżmu. Tgħiduli t-turiżmu x’għandu x’jaqsam mal-evoluzzjoni tar-Repubblika tagħna? Ħa navvanza mistoqsija bil-kontra. Taħsbu intom li r-Repubblika tagħna hija li hi kieku t-turiżmu f’Malta mhuwiex dak li hu? It-turiżmu mhuwiex biss, kif forsi jaħsbu ħafna, li jiġu t-turisti u jinfluwenzawna minn kif jilbsu, jew kif iġibu ruħhom. It-turiżmu mhuwiex biss li l-Maltin isiefru u jiddakkru minn kif jgħix il-barrani. It-turiżmu huwa rota li ddawwar il-flus. Il-flus li għalihom nagħmlu kollox. Li forsi għalihom tlifna kull sens ta’ Jum il-Ħadd. Li għalihom qed nibagħtu n-nies jaħdmu fil-ħwienet sa nofsillejlijiet. Li għalihom, in-neputijiet marru joqogħdu f’appartament għax id-dar sabiħa ta’ nannithom u tal-ġirien tagħha saru kollha lukandi. It-turiżmu li ġieli għamel minn Malta u Għawdex tagħna Ibiża aqwa mill-Ibiża ta’ vera ta’ għoxrin u tletin sena ilu.”

Kompla jgħid li “ r-raba’ aspett ta’ kif evolviet ir-Repubblika Maltija hija d-dinja tax-xogħol. Ir-Repubblika hija mibnija fuq ix-xogħol. Imma fuq liema dinja ta’ xogħol? Fuq dik tas-snin 70 tas-seklu l-ieħor?

Illum il-Malti jmur għax-xogħol spalla ma’ spalla mal-barrani, forsi ta’ taħtu huwa barrani u żgur ukoll li anki ta’ fuqu huwa barrani b’identità differenti, li għalih ma tagħmilx differenza bejn il-Ħadd u t-Tnejn, li ma jiddejjaqx jiġbor l-imwejjed u s-siġġijiet għax hemm party ta’ St Patricks, imma jsibha bi tqila biex jagħlaq umbrella biex tgħaddi purċissjoni, hi ta’ xiex inhi. U dawn biex inġib biss eżempji li jistgħu jinftiehmu. Dan huwa biss ritratt ta’ kif qed nara r-Repubblika Maltija miexja. Il-punt tiegħi mhuwiex jekk din hix triq tajba jew ħażina. Probabbli hija triq inevitabbli. Il-punt tiegħi huwa kif il-poplu tagħna qiegħed jirreaġixxi għal din il-bidla.”

Il-pressjonijiet tan-nostalġiżmu u l-liberaliżmu

“Fil-fehma tiegħi hemm dak l-element ta’ konservattiviżmu nostalġiku estrem. Hemm dawk li jridu jiffossilizzaw irwieħhom 20, 30, 40 sena ilu u l-hena tagħhom jibku l-imgħoddi. Dawn huma nies li jeżerċitaw pressjoni fuq il-progress inevitabbli, u ħafna drabi ssibhom oppożizzjoni għal kull pass li jittieħed. Imbagħad hemm l-element ta’ liberaliżmu sfrenat li qisu b’vendetta minn dak kollu li kien fl-imgħoddi, irid jara kif se jiġri ’l quddiem biex ilaħħaq, jew saħansitra jgħaddi lill-progress reġistrat fil-kontinent Ewropew. It-tnejn huma pressjonijiet li qegħdin joħduna pass pass ’il quddiem”, saħaq Mons Vella Gauci.

Pass pass ’il quddiem… kif

Kompla jgħid li “però u hawn insib ftit problema jien, fejn qabel ir-Repubblika kienet timxi f’kapitli monumentali u deċiżivi, fejn qabel, ir-Repubblika kienet tiddeċiedi d-destin tagħha f’episodji mqanqla u bil-parteċipazzjoni diretta jew kważi diretta tal-poplu – ħarsu lejn l-1919, l-1921, l-1964, 1974, 1979 u l-2004 – illum dawn il-mumenti deċiżivi, għalkemm xorta inċiżivi (intelliġenti u analitiċi), huma forsi aktar sottili tant li mhux dejjem qed nindunaw x’inhu jiġrilna. Huma aktar xi ħaġa ta’ kuljum. U forsi huma deċiżjonijiet li mhuwiex jeħodhom il-poplu b’mod attiv, imma qed teħodhom f’ismu, il-klassi politika. Forsi japplika l-każ ta’ kif wasalna biex ftaħna d-diskors għad-divorzju, u kif wasalna għad-dibattitu pubbliku fuq l-abort. Imma mhux biss. Japplika żgur il-mod ta’ kif kibret l-ekonomija, ta’ kif kibret il-popolazzjoni, ta’ kif it-toroq tad-djar fiċ-ċentri tal-irħula tagħna saru toroq tal-appartamenti. Dawn ma kinux deċiżjonijiet li ħadhom il-poplu. Kienu deċiżjonijiet tal-klassi politika eletta mill-poplu. Imma kienu fatturi deċiżivi ta’ fejn imxiet ir-Repubblika Maltija.”

“Niftiehmu. Mhux kull deċiżjoni għandha tkun deċiżjoni li jeħodha l-poplu. M’għadniex fi żmien id-demokrazija diretta ta’ żmien Ateni jew Rousseau. Imma dawn huma deċiżjonijiet li l-impatt tagħhom, iva, huwa fuq il-poplu. Allura tassew jeħtieġ li l-klassi politika tgħallem lill-poplu u tisma’ lill-poplu. Jekk il-popolazzjoni kellha bżonn tikber bil-barrani, tajjeb li l-poplu jiġi mfiehem x’kien dan il-bżonn. Imma wkoll jekk il-poplu mhuwiex komdu b’dawn l-effetti, tajjeb li l-klassi politika tifhem il-kif u għaliex hawn din it-tensjoni bejn il-bżonn u s-sitwazzjoni attwali u taġixxi”, żied jgħid Mons Vella Gauci.

F’Salib it-Toroq – Naqblu li ma naqblux

“Ninsabu f’salib it-toroq. Min-naħa għandna ilmenti għax m’għadniex l-istess. Min-naħa għandna l-eżiġenzi tal-progress. Is-soluzzjoni hija li naċċettaw il-fatt li m’għadniex l-istess u li l-profil tal-bniedem Malti, tal-persuna Maltija, taċ-ċittadini li jiffurmaw din ir-Repubblika Maltija m’għadux wieħed, uniformi, omoġenju u l-istess. U qatt m’aħna se nkunu l-istess. Qatt m’aħna se nkunu forma waħda. La l-Mediterran ma hu kollu l-istess. La l-Ewropa ma hi kollha l-istess, la ommijietna u missirijietna ma kienu kollha l-istess u anqas uliedna m’huma se jkunu l-istess. Irridu naqblu li m’aħniex se naqblu. Imma b’dawn id-differenzi xorta jirnexxielna ngħixu. Anzi, dawn id-differenzi għandhom ikunu huma li jqarrbuna lejn xulxin għax iqiegħduna fi djalogu u aħjar minn hekk, f’relazzjoni li implica li ser naħdmu flimkien b’għan wieħed – il-ġid ta’ pajjiżna! Hekk forsi ma nibqgħux noħduha bi kbira li hawn dan it-taħlit. Hekk forsi ma nibqgħux ngħejjew u ninħlew nirreżistu dak li huwa irreżistibbli, u minflok, nibdew ninvestu l-ħin naraw kif se ngħixu flimkien u nitkellmu flimkien, għax kif jgħid is-Segretarju Ġenerali taċ-Ċentru Internazzjonali għad-Djalogu Interreliġjuż u Interkulturali fl-Arabja Sawdita, id-djalogu joħloq il-fiduċja; u jwassal għal possibilitajiet ġodda u kreattivi għal kollaborazzjoni li hija sostenibbli”, jgħid l-Ambaxxatur għall-UNESCO.

Jistaqsi “ir-Repubblika tagħna, lesta biex tiddjaloga? Jew tippreferi tgħaddi erba’ kummenti rħas fuq il-bank tal-pjazza u tkun imliet żaqqha b’dak li qalet hi stess lilha nnifisha? Ir-Repubblika tagħna, trid tisma’ xi ħaġa ġdida, li mhux neċessarjament iddoqq għal widnejha?”.

Sport