Monday, May 13, 2024

Eluf ta’ ħaddiema jingħaqdu fi protesta kontra l-awsterità u għal ftehim ġust

Aqra wkoll

Nhar it-Tlieta, uffiċċjali tal-General Workers Union ingħaqdu ma’ trejdunjins oħra Ewropej f’dimostrazzjoni fi Brussell biex juru solidarjetà mal-ħaddiema Ewropej minn stati membri differenti li qed jiffaċċjaw futur inċert u miżuri ta’ awsterità. Dimostrazzjoni li għaliha ngħaqdu madwar 15,000 ruħ li ħadithom lejn l-istituzzjonijiet Ewropej fi Brussell bi protesta kontra l-pjani li mis-sena d-dieħla jibda l-programm ta’ awsterità 2.0. Dimostrazzjoni li hija biss il-bidu.Id-dimostrazzjoni msejħa mill-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions (ETUC) hija parti minn kampanja usa’ għal “ftehim ġust għan-nies li jaħdmu” u saret hekk kif il-ministri u l-MPE qegħdin f’negozjati dwar riforma tar-regoli tal-governanza ekonomika tal-UE.

Skont il-kalkoli tal-ETUC ibbażati fuq informazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea l-abbozz tal-proposta attwali jgħid li il stat membri se jkunu sfurzati jaqtgħu €45 biljun mill-baġits tagħhom is-sena d-dieħla biss.

Din ir-riforma se tidħol fis-seħħ wara li r-regoli preċedenti ġew sospiżi fis-sena 2020, fejn l-istati membri ngħataw il-ħelsien mill-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir tal-UE, waqt il-pandemija u biex jiġu trattati l-konsegwenzi ekonomiċi tal-pandemija.

Regoli ġodda għandhom jidħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar iżda s’issa ma kien hemm l-ebda qbil dwar x’għandhom ikunu. Taħt il-proposta attwali, l-istati membri b’defiċit ta’ ‘lfuq minn 3 fil-mija tal-PDG se jkollhom inaqqsu d-defiċit baġitarju tagħhom b’minimu ta’ 0.5 fil-mija tal-PGD kull sena.

Dan iwassal għal inqas impjiegi, pagi aktar baxxi, servizzi pubbliċi mġebbda u jħalli l-biċċa l-kbira tal-istati membri tal-UE ma jkunux jistgħu jagħmlu l-investimenti meħtieġa biex jilħqu l-miri soċjali u klimatiċi tal-UE stess.

Il-GWU kkummentat li b’differenza minn pajjiżna diversi pajjiżi m’għandhomx is-sussidji b’saħħithom li jeżistu f’pajjiżna. Filwaqt li Malta qed tgawdi minn ċerti benefiċċji li pajjiżi oħra mhux igawdu minnhom, bħas-sussidju fuq id-dawl u l-ilma u ż-żieda fil-pensjonijiet, aħna rridu nagħtu appoġġ lil sħabna l-ħaddiema Ewropej. Ħaddiema li qed jitolbu li jkunu trattati b’mod diċenti u li jittieħdu deċiżjonijiet f’isem iċ-ċittadini Ewropej u mhux ffavur id-dejn.

Ilkoll kemm aħna għandna bżonn aċċess għal kura ta’ kwalità, edukazzjoni u sigurtà. Dawn ir-regoli jistgħu jimminaw il-mixja ‘l quddiem tas-soċjetajiet Ewropew. Pajjiżi ġirien tagħna ma jridux jerġgħu lura għal regoli stretti ta’ awsterità.

Il-komunitajietf’dawn il-pajjiżi għandhom bżonn investimenti pubbliċi fl-edukazzjoni, fil-kura tas-saħħa, f’salarji u f’futur sostenibbli. Issa, hekk kif l-Ewropa kollha qiegħda taffaċċja kriżi tal-għoli tal-ħajja mmexxija minn profitti rekord, m’għandhomx ikunu l-ħaddiema dawk li jħallsu l-prezz.

Ir-rispons ibbażat fuq is-solidarjetà tal-Unjoni Ewropea matul il-pandemija tal-Covid19, uriet dak li kien possibbli. Il-ħelsien tal-fondi biex jinżammu siguri l-impjiegi u d-dħul tan-nies kien kruċjali. Issa qed jerġa’ jinħass il-bżonn li l-UE terġa’ turi s-solidarjetà tagħha mal-Ewropa.

Sport