Friday, November 22, 2024

Id-Difiża tal-aħwa Degiorgio u l-Koħħu trid li r-rekordings kollha ta’ Theuma jkunu esibiti fil-Qorti

Aqra wkoll

Maħfra li ngħatat lil Melvin Theuma, l-allegat middleman fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia llum żdiedet bħala evidenza fil-każ kontra tliet persuni akkużati li qatlu lil Caruana Galizia.

Theuma ngħata l-maħfra presidenzjali f’Novembru tal-2019 bil-għan li huwa jsir xhur tal-istat. Madankollu l-avukati tat-tliet irġiel – l-aħwa George u Alfred Degiorgio u Vince Muscat – huma kontra dan.

It-tliet akkużati qed jiċħdu l-akkużi miġjubin fil-konfront tagħhom fil-qtil ta’ Caruana Galizia.

Theuma saħaq li huwa kien irċieva flus mingħand in-negozjant Yorgen Fenech biex jgħaddihom lit-tliet akkużati biex dawn joqtlu lil Caruana Galizia.

Hija nqatlet f’Ottubru tal-2017 permezz ta’ bomba fil-karozza tagħha.

Apparti kopja tal-maħfra presidenzjali mogħtija lil Theuma, il-Qorti llum irċeviet ukoll tliet settijiet ta’ traskrizzjonijiet li kienu preżentati minn esperti tal-Qorti. Dettalji dwar il-kontenut tat-traskrizzjonijiet ma ngħatawx waqt is-seduta. ta’ dalgħodu.

Tul is-seduta l-Prosekuzzjoni u d-Difiża argumentaw dwar liema mir-rekordings ta’ Theuma għandhom jiġu preżentati bħala evidenza, bid-Difiża tgħid li ma tħosshiex komda li l-Prosekuzzjoni tiddeċieda liema mir-rekordings huma relevanti għall-każ u liema ma kinux. Id-difiża insistiet ukoll li kellha dritt li tisma’ r-rekordings kollha ta’ Theuma.

Il-Maġistrat Stafrace Zammit qalet li se tkun qed tagħti d-deċiżjoni tagħha dwar il-kwistjoni fis-seduta li jmiss li se tkun qed tiżvolġi fil-21 ta’ Jannar li ġej.

Sport