Sunday, November 24, 2024

Id-diga f’Kakhovka mistennija tkompli tiddeterjora b’konsegwenzi serji fuq eluf ta’ nies

Aqra wkoll

In-Nazzjonijiet Magħquda wissiet li l-ilmijiet li ħarġu mid-diga fl-Ukrajna kawża ta’ splużjoni se jkollha konsegwenzi serji fuq eluf ta’ nies fil-pajjiż. Minbarra lill-kommunitajiet li jgħixu fl-inħawi, id-diga kienet tipprovdi wkoll ilma għall-impjant nukleari f’Zaporizhzhia.

Skont l-awtoritajiet Ukreni qed ikun stmat li aktar minn 40,000 persuna jinsabu f’riskju f’żoni kontrollati mill-Ukreni u oħrajn mir-Russi viċin ix-xmara Dnipro. F’filmati u ritratti mxerrda fuq il-midja, bosta residenti dehru jagħtu prijorità lill-annimali domestiċi tagħhom f’tentattiv biex iħallu r-residenzi mgħarrqa tagħhom lejn żoni aktar siguri.

Skont l-awtoritajiet Russi hemm mill-anqas seba’ persuni rappurtati nieqsa filwaqt li ġie ddikjarat stat ta’ emerġenza fir-reġjun ta’ Kherson li hu okkupat mir-Russi.

Il-President Ukren Volodymr Zelensky akkuża lir-Russja li wettqet attakk fuq id-diga imma l-Ministru tad-Difiża Russu Sergei Shoigu qal li l-Ukrajna attakkat id-diga biex iddawwar l-attenzjoni mill-falliment tal-kontro-offensiva tagħha li minkejja ħafna xnigħat baqa’ ma seħħx. Zelensky qal li bħala Ukreni għandhom is-setgħa biex joffru biss għajnuna lil dawk f’territorji kontrollati minnhom u li fuq bnadi oħra okkupati mir-Russi, dawn tal-aħħar m’huma jagħmlu xejn biex jgħinu lin-nies.

Il-Ministeru għad-Difiża Ingliż min-naħa tiegħu qal li l-bqija tal-istruttura tad-diga f’Kakhovka mistennija tkompli tiddeterjora fil-jiem li ġejjin u dan se jkompli jiggrava s-sitwazzjoni tal-għargħar.

Is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda Antonio Guterres iddeskriva l-inċident bħala katastrofi umana fuq livell uman, ekonomiku u kif ukoll ekoloġiku.

Sport