Globalment din il-ġimgħa ssir kampanja għall-prevenzjoni tas-suwiċidju u tagħlaq fil-Jum Dinji għall-Prevenzjoni tas-Suwiċidju ċċelebrat fl-10 ta’ Settembru. L-Għaqda Dinjija ta-Saħħa, organizzazzjonjiet u għaqdiet madwar id-dinja jwasslu għarfien dwar is-sinjali li wieħed jista’ jagħraf meta persuna tikkontempla s-suwiċidju u x’jista’ jsir biex tkun evitata din it-traġedja.
Waħda minn l-aktar attivitajiet sportivi popolari – ir-wrestling – hija milquta minn dan il-fenomenu ta’ disperazzjoni fatali bl-aħħar mewt b’suwiċidju ta’ waħda mill-professjonisti fl-arena, Daffney Unger.
Unger il-ġimgħa l-oħra kienet live fuq Instagram fejn dehret tagħfas pistola u tibki. Dan wassal biex tibda ħidma intensiva ta’ tfittxija ħalli tinstab din il-mara ta’ 46 sena. Sfortunatament hija nstabet mejta l-għada, il-Ħamis.
Id-dinja tar-wrestling hija ppreżentata lill-udjenza bħala waħda lussuża magħmula minn super eroj lebsin kostumi sbieħ bi programm ippreparat minn qabel biex l-ispettaklu jkun aktar eċċittanti. Fil-verità din hija dinja b’lati negattivi ħafna li jinkludu suwiċidji, qtil u wġigħ kroniku sofrut mill-atleti parteċipanti.
Unger, li l-isem tagħha proprja huwa Shannon Spruill, fuq Instagram hija u tibki qalet, “tifhmu li jiena ninsab waħdi? Għaliex ma tifhmuhiex din?” Din l-istilla tar-wrestling mietet qabel żmienha u f’ċirkostanzi traġiċi. Permezz ta’ dan il-vidjow hija tat lis-segwaċi tagħha stampa aktar reali ta’ x’jiġri fid-dinja tar-wrestling.
L-uffiċċju mediku ta’ Georgia għadu ma ħariġx uffiċjalment x’kienet il-kawża tal-mewt ta’ Unger però wara l-vidjow li xandret fuq Instagram, ħbieb u ammiraturi tellgħu n-numru tat-telefon tal-linja nazzjonali għall-prevenzjoni tas-suwiċidju u ħeġġew biex dawk kollha li jinsabu fi kriżi, jfittxu l-għajnuna.
Ir-wrestler leġġendarju Mick Foley, esprima sogħba għat-telfa ta’ Daffney fejn kien huwa stess li wara li l-vidjow tagħha inxtered fuq il-midja soċjali, għamel appell biex min jaf fejn hija, jgħinha. “Tinsab fi kriżi personali u qiegħda thedded li se tweġġa’ lilha nnfisha. It-telefonata tiegħi mill-ewwel ġiet trasferita fuq il-voicemail. Min jaf l-indirizz tagħha jew għandu mezz biex jikkuntatjaha, jekk jogħġobkom, għenuha,” appella Foley.
Fil-vidjow tagħha Unger aċċennat għall-kundizzjoni progressiva fil-moħħ (CTE) li hija kkawżata minn repetizzjoni ta’ daqqiet qawwija fir-ras, b’konsegwenzi fuq saħħet il-persuna bħal konkussjonijiet. Din il-kundizzjoni tista’ biss tkun ikkonfermata wara l-mewt tal-persuna li tkun qiegħda tbati biha u fil-fatt Unger kienet diġà talbet li wara mewtha, moħħha jkun studjat fir-riċerka għall-kura ta’ din il-kundizzjoni. Is-CTE tolqot ħafna atletli f’dixxiplini sportivi differenti fosthom lir-wrestlers stess, lill-atleti tal-ġlied bħal boxing, plejers tar-rugby, hockey u anke dawk li jilagħbu l-football.
Sintomi ta’ CTE jinkludu problemi ta’ kontroll fiżiku, dipressjoni, agressjoni, ħsibijiet suwiċida u telf ta’ memorja li eventwalment jista’ jwassal għad-dimensja. Jingħad li Unger kienet qiegħda tbati minn uġigħ kontinwu u mhiex l-unika wrestler li għaddiet minn dan il-matriju.
Atleti oħra mid-dinja tar-wrestling li temmu ħajjithom u kienu ssuspettati li jbatu mis-CTE huma Chris Benoit magħruf bħala l-Canadian Crippler, Ashley Massaro u Chris Kanyon.