Tuesday, November 26, 2024

ID-DINJA TEĦTIEĠ IN-NIFS

Aqra wkoll

L-oġġetti kollha tal-plastik u dawk li jintremew wara li jintużaw minbarra li jniġġsu huma wkoll problema klimatika. Minn qabel ma l-plastik jiġi rriċiklat ħafna mill-ħsara tkun diġà saret.

Dan billi l-proċess tal-produzzjoni tal-plastik huwa tant intensiv, u tant tintuża enerġija li qed jaffettwa ħażin ħafna l-klima wkoll. Il-plastik jieħu mijiet ta’ snin biex jinqered u sa dakittant, jipproduċi emissjonijiet tal-gassijiet serra f’kull stadju taċ-ċiklu tiegħu, mill-produzzjoni sat-tmiem il-ħajja tiegħu. 

Peress li ħafna drabi qiegħed jinterma bl-addoċċ anke fl-ibħra, dan qed jaffettwa lilna b’mod indirett. Dan għaliex partiċelli tal-plastik li jiġi mormi fil-baħar jista jittiekel minn diversi speċi ta’ ħut, li imbagħad dan jinbigħ għall-konsum min-nies. 

Għal dawn ir-raġunijiet ikun jaqbel lilna prinċipalment li nibdlu l-għażliet li nagħmlu biex innaqqsu kemm jista’ jkun l-użu tal-plastik f’kull forma tiegħu. Minbarra l-plastik, insemmu wkoll is-separazzjoni tal-iskart. Għad hawn numru kbir ta’ nies li meta jfettlilhom, joħorġu l-borża s-sewda bla ebda rispett lejn l-iskeda, lejn il-ġirien, il-Kunsilli Lokali u l-lokalità li jgħixu fiha. 

F’ċertu lokalitajiet dan l-ammont huwa ferm akbar minn oħrajn u saħansitra kien hemm lokalitajiet fejn kważi r-residenti kollha donnhom ftehmu li ma jagħtu każ ta’ l-ebda skeda ta’ meta dan għandu jinħareġ. 

Irridu nfakkru hawnhekk li f’pajjiżi oħra, kull resident iħallas tariffa jew miżata għal kull kilo skart li tiġġenera l-familja tiegħu u ma jkunx il-Gvern li jħallas din l-ispiża. Donnu għal xi wħud minna, hekk irid isir biex nitgħallmu nkunu responsabbli u nifhmu li kull wieħed u waħda minna għandu mhux biss obbligu imma wkoll responsabbiltà ċivika xi jġorr.

Nistgħu nsibu elf skuża biex ma nikkoperawx imma l-vera raġuni tkun li dak li jkun irid jibqa’ jwebbes rasu u ma jikkoperax mal-awtoritajiet u mat-tindif fil-pajjiż. Turija ta’ nuqqas ta’ sens ċiviku kbir minn numru ta’ residenti li għadhom jew mhux jifhmu jew ma jridux jifhmu li t-tħaris tal-ambjent hija esponsabbilta tagħhom ukoll. 

F’dan il-pajjiż għad hawn l-arja u l-ħsieb li kulħadd jista’ jiġġenera kemm irid skart, jista’ jħammeġ kemm irid għax hemm ħaddiehor inaddaf. Drajna f’kultura li jekk ma jiġix it-trakk sa wara l-bieb (jekk mhux fil-kċina), inħallu l-borża barra u jiġri minnha li jrid għax dik m’għadhiex aktar tiegħi.

Qegħdin propju nitkellmu fuq dan kollu mhux għaliex illum 20 ta’ Settembru qed niċċelebraw il-Jum Dinji tat-Tindif, li l-għan tiegħu hu li jqajjem kuxjenza dwar il-kriżi tal-iskart immaniġġjat ħażin. Qed ngħiduh imma għaliex dan huwa responsabbilta li kulħadd irid iġorr f’kuljum tas-sena. 

Fl-aħħar mill-aħħar, nisħqu li d-dinja teħtieġ in-nifs biex tkompli tgħoix, teħtieġ li kull wieħed u waħda minna jieħu ħsieb tat-tindif u mhux jiġi jaqa u jqum minn dak li qed jiġri madwaru. 

Sport