Id-dinja tinsab “kalkolu żbaljat ’il bogħod” minn gwerra nukleari – sitwazzjoni li qatt ma rajna bħalha mill-Gwerra Bierda ’l hawn. Hekk qal is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti Antonio Guterres. Fid-diskors tiegħu fil-ftuħ tal-konferenza bejn il-pajjiżi firmatorji tat-trattat kontra t-tixrid tal-armi nukleari (Non-Proliferation Treaty, NPT), Guterres qal li, “l-umanità tinsab biss kalkolu wieħed ħażin ’il bogħod minn qerda nukleari.” Huwa tenna li, “s’issa kontra xortina tajba ħafna” li dan għadu ma ġarax.
It-trattat imsemmi iktar kmieni kien introdott fl-1968 wara li kien seħħ dak magħruf bħala “l-Kriżi tal-Missili ta’ Kuba” fejn dakinhar id-dinja resqet qrib immens ta’ skambju nukleari. It-trattat huwa intiż li jwaqqaf it-tixrid tal-armi nukleari u jaħdem biex l-armi nukleari tad-dinja jinqerdu kollha.
Kważi kull pajjiż fid-dinja kien iffirma t-trattat NPT, fosthom anke l-ikbar ħames potenzi nukleari. Iżda baqa’ xi pajjiżi li ma ffirmawx u fosthom erbgħa li hu magħruf jew jeżistu suspetti li għandhom l-armi nukleari. Dawn huma l-Indja, Iżrael, il-Korea ta’ Fuq u l-Pakistan.
Is-Segretarju Ġenerali Guterres qal li “x-xorti tajba” li kellha s’issa d-dinja li tevadi katastrofi nukleari tista’ ma ddumx u għalhekk ħeġġeġ lill-mexxejja dinjin biex dawn it-tip ta’ armi jinqerdu. Huwa tenna li d-dinja ma tistax tibqa’ tistrieħ fuq “ix-xorti tajba” u dan hekk kif it-tensjoni globali “qiegħda tilħaq livelli ogħla”. Hawn Guterres għamel referenza għall-kunflitt ġewwa l-Ukrajna, l-instabbiltà fil-peniżola Koreana kif ukoll fil-Lvant Nofsani.