Sunday, May 5, 2024

Waterpolo tan-Nisa: San Ġiljan iħejju bis-sħiħ għall-finali tan-KO kontra Sliema

Aqra wkoll

It-Tlieta fl-uffiċini ta’ Ozo Group f’Ħal Qormi, saret konferenza tal-aħbarijiet organizzata mit-team tan-nisa ta’ San Ġiljan Ozo Group ASC tal-Waterpolo, li qed iħejju għall-finali tan-Knock Out li huma għandhom kontra Sliema ASC. Il-Kap Eżekuttiv ta’ Ozo Group Fabio Muscat, fetaħ il-konferenza tal-aħbarijiet, fejn fil-messaġġ tiegħu saħaq li Ozo Group, waħda mill-kumpaniji ewlenin fl-industrija tal-ospitalità u s-servizzi, tinsab onorata li għat-tieni darba qed tappoġġja lit-team tan-nisa tal-waterpolo ta’ San Ġiljan.

Fabio Muscat saħaq li “il-ħaddiema kollha ta’ Ozo Group”, jinsabu kburin b’dan l-isponsorship għaliex qed iservi ta’ opportunità biex jingħata valur miżjud lill-komunità. Dan filwaqt li stqarr li huwa ta’ unur li l-kumpanija qed tkun assoċjata ma’ club “li kif qed naraw dan l-istaġun, kompla juri potenzjal kbir u saħansittra kompla jagħmel passi ta’ ġgant.”

Fil-messaġġ tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ Ozo Group stqarr li “dan l-isponsorship huwa ħafna aktar minn appoġġ finanzjarju u jarah bħala investiment fl-ugwaljanza, investiment fl-importanza tal-isport fis-soċjetà, “kif ukoll nisperaw li jirnexxilna nibqgħu nħeġġu l-parteċipazzjoni tan-nisa fl-isport inġenerali pero b’mod partikolari fil-waterpolo fejn fl-aħħar snin pajjiżna wera li kapaċi jħabbata ma’ pajjizi ikbar minnha.” Hekk kif il-finali tan-Knock-Out tinsab ftit iktar minn 24 siegħa bogħod, Fabio Muscat awgura lil San Ġiljan ASC kull suċċess għal din il-finali u għall-kumplament tal-istaġun. Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll minn Brian Schembri, membru fil-kumitat ta’ San Ġiljan ASC responsabbli mill-akkademja u t-timijiet tat-tfajliet. Brian Schembri qal li t-tir tat-team huwa li jkompli jkun kompettitiv, u li qed ikompli jaħdem bit-tir li jkun l-aqwa team f’Malta. Apparti minn hekk, hu saħaq li jrid li l-klabb ikompli jkun inklussiv filwaqt li jkompli jħajjar aktar tfajliet jersqu lejn il-logħba tal-waterpolo.

Schembri, irringrazja lil Ozo Group tas-sosten finanzjarju u saħaq li mingħajr dawn l-arranġamenti, ma kien ikun possibbli għall-club biex jilħaq l-ambizzjonijiet tiegħu. Fil-messaġġ tiegħu, il-coach tat-team, Gordon Zammit, qal li dan l-isport jirrikjedi ħafna fondi u saħaq li bi pjaċir qiegħed jikkowċja team bl-iskop li l-players jilħqu livelli internazzjonali. Hu saħaq li jinsab kuntent ħafna bl-impenn tal-players tiegħu, li se jagħmlu minn kollox biex jirbħu l-finali tan-Knock Out, għalkemm stqarr li t-team, għall-futur, għandu pjanijiet akbar minn hekk. Il-Captain ta’ San Ġiljan Ozo Group, Stephanie Tanti Desjardin, li kienet ivvutata ‘Player tas-Sena’ fis-snin li għaddew, minn naħaq tagħha qalet li l-livell tal-isport qed jogħla u aktar tfajliet qed jersqu lejn il-waterpolo.

Hi saħqet li l-motivazzjoni tat-team mhux biss li jirbaħ imma li jħeġġeġ aktar tfal jersqu lejn dan l-isport. Meta tkellmet dwar il-finali ta’ għada, Stephanie Tanti Desjardin qalet li t-team qed jaħdem ħafna iżda jaf li l-logħba tista’ tmur kull naħa u li se tkun waħda diffiċli b’mod partikolari għall-fatt li t-team jittrenja fl-ilma baħar u jrid jilgħab finali fil-pixxina nazzjonali f’Tal-Qroqq. Intant, fi tmiem il-konferenza tal-aħbarijiet, il-Kap Eżekuttiv ta’ Ozo Group, Fabio Muscat, preżenta lill-Captain ta’ San Ġiljan ASC, rigal ta’ apprezettament u ta’ awguri għall-finali ta’ għada kontra Sliema ASC li tintlagħab fil-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq fis-18:00.

Intant, wara din il-finali eżattamant fis-7.20pm tintlagħab il-finali tal-Ewwel Diviżjoni tal-Irġiel bejn Valletta u Marsaskala biex imbgaħad fit-8.25pm tintlagħab il-finali tant mistennija tal-Premier bejn il-ġirien iżda rivali eterni San Ġiljan u Neptunes fejn għal dawn tal-aħħar se jkun qed jiddebutta fuq il-bank il-coach Dorian Pisani biex b’hekk se jkun qed jaffronta proprju lill-ex team tiegħu.

Sport