Il-Heart Failure Clinic u d-Dipartiment tal-Kardjoloġija fl-Isptar Mater Dei ġew onorati bl-akkreditazzjoni ICARE-HF, li ġiet rikonoxxuta bħala Ċentru Speċjalizzat tal-Kwalità tal-Kura tal-Heart Failure tal-HFA.
Il-Heart Failure Clinic fl-Isptar Mater Dei ilha mwaqqfa mill-2008 bl-għan ewlieni tagħha huwa, li tipprovdi edukazzjoni lill-pazjenti u tiżgura l-użu tat-terapija u għajnuna medika diretta mil-linji gwida permezz ta’ monitoraġġ kliniku mill-qrib. Din il-klinika għandha wkoll rwol vitali fit-tnaqqis tad-dħul fl-isptar tal-pazjenti billi tidentifika sinjali bikrija ta’ dekompensazzjoni u jkun possibbli li tintervjeni fil-pront.

Il-Ministru Jo Etienne Abela qal kif it-tim tal-Heart Failure għandu l-għan li jtejjeb aktar il-kura tal-pazjenti b’insuffiċjenza tal-qalb permezz tat-tnedija ta’ Diuretic Lounge iddisinjat biex jipprovdi terapija lill-pazjenti. Spjega kif illum, il-Heart Failure Clinic fl-Isptar Mater Dei imexxi l-kura ta’ aktar minn 4,000 pazjent kull sena, li jvarjaw minn dawk b’sintomi ħfief sa dawk b’marda avvanzata li jeħtieġu interventi kumplessi.
“Din il-klinika għandha l-għan li ttejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-pazjent billi tipprovdi trattament effettiv f’ambjent ta’ outpatients. Nifraħ u nirringrazzja lid-Dipartiment tal-Kardjoloġija fl-Isptar Mater Dei li fl-aħħar snin kompla jtejjeb il-kura offruta lill-pazjenti Maltin u Għawdxin”, temm jgħid Dr Abela.