Thursday, July 24, 2025

‘Id-Direttur jista’ jqis kwalunkwe annimal bħala annimal perikoluż”…dan wara li s-sid argumenta li x-xadina ġiet identifikata b’mod żbaljat

Aqra wkoll

Il-każ ta’ xadina deskritta bħala tat-tip ‘Green Monkey’ li kienet miżmuma fil-Mellieħa, wassal biex il-Qorti ddikjarat  li “d-Direttur jista’ jqis kwalunkwe annimal bħala annimal perikoluż”. Dan wara li s-sid beda jargumenta li fiċ-ċitazzjoni ix-xadina ġiet dikjarata bħala li hi tat-tip ‘Green Monkey’ u fir-rapport ġiet identifikata bħala li hi ‘Vervet Monkey”. 

Kollox beda 18 ta’ Jannar tas-sena 2020,  meta id-Direttorat għas-Servizzi Veterinarji rċieva rapport li fil-Mellieħa kienet qegħda tinżamm xadina minn persun.  Dakinhar ġie vverifikat il-post u wara sar kuntatt mas-sid, bi spezzjoni oħra ssir fil-11 ta’ Frar  fejn ġie vverifikat li fuq il-post kienet qed tiġi miżmuma xadina, li ma kinitx reġistrata mad-Direttur responsabbli għas-Servizzi Veterinarji fis-sena 2016, meta minn dakinhar din kellha tiġi reġistrata skont il-liġi. Saret spezzjoni oħra fil-31 ta’ Jannar tas-sena 2022, sabiex jiġi verifikat li x-xadina kienet għadha fuq is-sit u l-mod kif kienet miżmuma. Fil-11 ta’ Frar reġgħet saret viżita oħra fis-sit in kwistjoni, bi ftehim mal-appellant u mat- tabiba tiegħu, u dakinhar saret il-microchip sabiex ix-xadina tkun tista’ tiġi identifikata. Skont Silvana Cassar Gauci, Senior Veterinary Support Officer mill-imsemmi Direttorat, dakinhar reġgħet ġiet verifikata l-gaġġa, u nstab li din kienet skont ir-rekwiżiti tad-Direttorat. 

Albert Grima ta’ 42 sena, li hu sid ix-xadina tat-tip ‘Green Monkey’ kien ġie mmultat €3,000 mill-ewwel Qorti wara li nstab ħati. Hu kien akkużat li ma kienx irreġistra x-xadina, ma kienx ġab l-approvazzjoni tad-direttur responsabbli għall-annimali perikolużi, ma kienx qed iżommha f’zoo jew f’post approvat mill-istess direttur.

Hu appella minn din id-deċiżjoni u argumenta li mill-11 ta’ Frar tas-sena 2020, l-annimal in kwistjoni dejjem kien taħt il-patroċinju tad-Direttorat tas-Servizzi Veterinarji, kif xehed id-Direttur Paul Portelli.  Hu argumenta ukoll li ma setax jinstab ħati taż-żamma in kwistjoni f’magħlaq jew post mhux adegwat, meta jirriżulta mix-xhieda prodotta mill-Prosekuzzjoni, li fis-sena 2020, huwa kien ingħatat struzzjonijiet mid-Direttorat sabiex ikabbar dan il-magħlaq, kif fil-fatt għamel u ġie kkonfermat fl-ispezzjoni tas-sena 2022. Jirriżulta wkoll li kemm fi Frar 2020, kif ukoll fi Frar 2022, l-annimal kien fi stat ta’ kura tajba mil-lat veterinarju. 

Ċitazzjoni b’akkuża li kellu Green Monkey…

…fiċ-ċertifikat hemm imniżżel ‘Vervet Monkey”

Hu argumenta ukoll li ċ-ċitazzjoni odjerna tirreferi għall-ispeċi Chlorocebus Sabaeus, definita bl-Ingliż bħala Green Monkey, iċ-ċertifikat veterinarju jirreferi għall-Vervet Monkey u ċioeˋ għall-ispeċi Chlorocebus Pygerythrus. Qal li  darba l-oġġett inkriminanti ġie definit b’mod żbaljat, l-akkużi ma jistgħux jissussistu. Hu kien sostna ukoll li li l-ispeċi Chlorocebus Sabaeus, li dwarha jitkellmu l-akkużi, m’hijiex waħda minn dawk l-annimali perikolużi elenkati fl-Iskeda B, li għalih jirreferi r-Regolament 3 tal-Liġi Sussidjarja 439.19. Għaldaqstant, l-imputazzjonijiet tnejn, tlieta u erbgħa ma japplikawx għall-każ.

Il-Qorti tal-Appell iddikjarat li “irriżulta ċar lil din il-Qorti  li minkejja l-ispezzjonijiet li saru fis-sit in kwistjoni mid-Direttorat u illi l-gaġġa li fiha eventwalment bdiet tinżamm din ix-xadina mis-sid kienet approvata mill-istess Direttorat,  u l-annimal fil-fatt jidher li baqa’ miżmum mis-sid bil-konsapevolezza tal-istess Direttorat, ma jistax jingħad li fil-perjodu ta’ bejn it-13 ta’ Jannar tas-sena 2021 u t-13 ta’ Jannar tas-sena 2022, l-annimal perikoluż in kwistjoni kien jinsab fis-sit bl-approvazzjoni bil-miktub tad-Direttur.  Il-Qorti qalet li ma jirriżultax li kien hemm approvazzjoni bil-miktub tad-Direttur sabiex l-annimal ikun fl-istess sit, kif tirrikjedi l-liġi.
Il-Qorti tal-Appell iddikjarat li l-annimal qatt ma ġie reġistrat minn sidu, u fil-fehma ta’ din il-Qorti huwa rrelevanti li l-liġi, wara s-sena 2016, dan ma kinitx tippermettih, u fin-nuqqas ta’ tali possibilità ta’ reġistrazzjoni, dak li kellu jagħmel l-appellant huwa li ma jieħux fil-pussess tiegħu l-annimal in kwistjoni, u b’hekk kien ikun fil-linja mal-liġi.

Il-Qorti tal-Appell qalet li “s-sid jgħid li ma kienx jaf li kellu jirreġistrah lanqas ma hija relevanti għall-fini ta’ ħtija, għax l-injoranza tal-liġi ma ssarraf fl-ebda skuża li permezz tagħha wieħed jiġi skulpat mir-responsabilità kriminali. 

Il-Qorti tal-Appell aċċettat l-argument tas-sid fejn tidħol l-akkuża taż-żamma ta’ annimal perikoluż f’post magħluq. Tgħid li l-liġi tiddikjara li “l-magħlaq propost għandu jiġi spezzjonat u approvat mid-Direttur li għandu, b’mod partikolari, jaċċerta l-adegwatezza tiegħu fir-rigward ta’ daqs, kumdità u sigurtà b’referenza għall-ispeċi tal-annimali perikoluż intiż li jinżamm ġo fih.” Il-Qorti tal-Appell qalet li jirriżulta li meta saret l-ispezzjoni fuq is-sit in kwistjoni nhar il-magħlaq instab li kien adegwat. Bejn it-13 ta’ Jannar tas-sena 2021 u t-13 ta’ Jannar tas-sena 2022, ma jirriżultax li saru xi spezzjonijiet mid-Direttorat u għalhekk ma jistax jingħad li f’dan iż-żmien, il-magħlaq in kwistjoni instab li ma kienx adegwat fir-rigward ta’ dak li tirrikjedi l-liġi. Jekk ma sarux spezzjonijiet mid-Direttorat f’dan il-perjodu, dan kien nuqqas tal-istess Direttorat, li sa dak iż-żmien kien jaf biż-żamma tal-annimal in kwistjoni fuq is-sit, liema nuqqas għalhekk ma jistax jiġi attribwit lis-sid. Sal-perjodu mertu tal-imputazzjoni odjerna, il-magħaq kien ġie spezzjonat għalkemm kien għadu mhux approvat, iżda kif ingħad, dan ma seħħx b’xi nuqqas da parti tas-sid. Din l-imputazzjoni kienet treġi li kieku kienet tirreferi għall-11 ta’ Frar 2020 jew il-perjodu ta’ qabel, għax sa dakinhar il-magħlaq la kien ġie spezzjonat u lanqas approvat mid-Direttorat, u lanqas ma jidher illi f’dak l-istadju, il-magħlaq kien wieħed adegwat. Għalhekk fil-fehma ta’ din il-Qorti, l-appellant ma setax raġjonevolment u legalment jinstab ħati tar-raba’ imputazzjoni miġjuba kontra tiegħu. 

Is-sid argumenta li ma nġabet ebda prova li żamm annimal perikoluż mhux ġewwa stabbiliment żooloġiku. Is-sentenza sostniet li hu evidenti li l- annimal in kwistjoni ma kienx qed jinżamm fi stabbiliment żooloġiku fit-tifsira tal-liġi, u li ma jirriżultax li huwa kellu xi eżenzjoni fis-sens tal-liġi fiż-żmien tal-każ, u għaldaqstant l-Ewwel Qorti kienet korretta meta sabitu ħati ta’ din l-imputazzjoni. 

Is-sid fl-appell argumenta li ċ-ċitazzjoni tirreferi għall-ispeċi Chlorocebus Sabaeus, definita bl-Ingliż bħala Green Monkey, imma iċ-ċertifikat veterinarju jirreferi għall-Vervet Monkey – Chlorocebus Pygerythrus. Dwar dan il-Qorti tinnota fl-ewwel lok li d-dokumenti esebiti minn Silvana Cassar Gauci, li jinsabu  u ffirmati minn Dr. Catherine Portelli, ma ġewx ikkonfermati mill-istess Dr. Catherine Portelli, li baqgħet ma xehditx fil-proċeduri. Għalkemm l-annimal ġie deskritt mit-tabib bħala Vervet Monkey, fid-dikjarazzjoni tagħha sussegwenti tiddeskrivi l-istess annimal bħala Green Monkey u Chlorocebus Sabaeus. 

Fix-xhieda tagħha, Silvana Cassar Gauci tiddeskrivi l-ispeċi tax-xadina bħala “Vervet jew inkella tista’ tgħidlu Green Monkey”. 

Is-sentenza qalet li Direttur jista’ jqis kwalunkwe annimal bħala annimal perikoluż” u għalhekk li annimal jitqies bħala wieħed perikoluż ma jiddependix minn jekk dan jiġix identifikat bħala tali fl-Iskeda B tal-leġislazzjoni. Verament illi r-Regolament 3(3) jgħid illi annimal perikoluż għandu jiġi identifikat bħala tali fil-lista riprodotta fl-Iskeda B, iżda fil-fehma ta’ din il-Qorti, il-fatt illi dan ma jkunx jinsab hekk identifikat, ma jfissirx illi dan ma jkunx annimal perikoluż, jekk id-Direttur jidentifikah bħala tali, kif ġara fil-każ odjern. 

Il-Qorti tal-Appell ħassret u rrevokat is-sentenza dwar ħtija  li żamm animal f’Magħlaq li ma kienx spezzjonat, u rrevokat il-piena minn €3,000 li kien weħel fl-ewwel Qorti għal multa ta’ €2,000.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport