Sunday, December 22, 2024

Id-Diretturi ta’ Leisure Clothing jintbagħtu sitt snin ħabs fuq traffikar ta’ bnedmin

Aqra wkoll

Żewġ diretturi tal-fabbrika Leisure Clothing, li issa ngħalqet, intbagħtu sitt snin ħabs kull wieħed wara li l-Qorti tal-Appell sabithom ħatja ta’ traffikar ta’ bnedmin.

Id-Direttur Maniġerjali Han Bin u d-Direttur tal-Marketing Jia Liu, it-tnejn ta’ nazzjonalità Ċiniża, ingħataw is-sentenza l-Ġimgħa u kienu skortarti lejn il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

It-tnejn li huma ngħad li sfruttaw impjegati Vjetnamiżi u Ċiniżi tal-fabbrika bbażata f’Bulebel, billi kienu jħallsuhom ftit flus filwaqt li ġegħluhom jaħdmu ġranet twali bi ftit jew xejn waqfien, u f’kundizzjonijiet miżeri.

Il-fabbrika kienet ingħalqet lura fl-2017 wara l-arrest taż-żewġ Diretturi. Il-Qorti tal-Maġistrati għall-ewwel kienet sabet lil Bin Han ħati u lliberat lil Jia Liu, b’tal-ewwel jingħata sentenza sospiża. Sussegwentement, l-Avukat Ġenerali appella mis-sentenza. 

Il-Ġimgħa, il-Qorti tal-Appell Kriminali preseduta mill-Imħallef Edwina Grima ddeċidiet favur il-Prosekuzzjoni u sabet ħtija fiż-żewġ Diretturi tal-kumpanija u kkundannathom sitt snin ħabs kull wieħed.

Iż-żewġt irġiel għandhom ukoll iħallsu l-ispejjeż marbuta mal-kawża. Fl-istess waqt kienet ikkonfermata l-multa ta’ €200,000 kontra Leisure Clothing.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Etienne Savona mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. 

Ekonomija

Sport