Pajjiżna għamel passi ta’ ġgant fejn jidħlu liġijiet progressivi u dan b’mod speċjali fl-ambitu tad-drittijiet ċivili tal-persuni LGBTIQ+. Liġijiet li verament ta’ min jirrikonoxxihom. Il-qafas leġiżlattiv ta’ Malta tant huwa robust fir-rigward li għal tmien snin konsekuttivi pajjiżna kien fl-ewwel post fil-lista ILGA – Il-Europe Rainbow Map. Dan grazzi għal riformi fuq livell kostituzzjonali li jkopru minn żwieġ ugwali għal rikonoxximent legali tal-ġeneru. Miżuri li verament poġġewna bħala eżempju tajjeb għall-bqija tad-dinja.
Però, minkejja li l-liġijiet li jagħtu d-drittijiet kollha mistħoqqa lill-persuni LGBTIQ+ huma hemm u niċċelebraw, pjuttost bil-kbir, il-EuroPride, din il-minoranza mhix dejjem hija aċċettata u mhux dejjem ikun il-każ li nistgħu ngħidu li għandna inklużjoni u sigurtà f’Malta.
Biss biss insemmu l-eżempju tal-vandaliżmu li sar fuq poster ta’ waħda mill-attivitajiet tal-EuroPride fid-dawl tax-xemx fil-pjazza ta’ Kastilja. Bħallikieku ma kienx biżżejjed smajna wkoll b’każ ta’ abbuż verbali fuq grupp ta’ persuni queer fejn saħansitra membru minnhom safa attakkat. Attakk li qatt ma kellu jsir u huwa kundannabbli għall-aħħar.
Fir-rigward, tkellem ukoll il-Membru Parlamentari Ewropew Laburista, Cyrus Engerer li talab li l-attakk f’Għawdex għandu jkun trattat bħala att kriminali ta’ mibegħda. Dan biex ma nsemmux il-ħars u l-kummenti minn taħt li ġieli jsiru kif ukoll kliem ta’ mibegħ- da u omofobiku li jiċċirkola fuq il-midja soċjali. Allura hawn nistaqsu: verament aħna l-Maltin nirrispettaw lill-komunità LGBTIQ+? Verament għandna inklużjoni? Verament aħna l-pajjiż tad-drittijiet ċivili lil kulħadd?
Minn dak li naraw u nisimgħu nħossu li l-vera ugwaljanza għall-persuni LGBTIQ+ għadha ma ntlaħqitx u dan minħabba li l-liġi hija mod u l-mentalità ta’ xi nies hija mod ieħor. Nemmnu li lkoll għandna nagħtu s-sehem tagħna għal ugwaljanza u tisħiħ tad-drittijiet umani ta’ kulħadd.
U dan mhuwiex biss fil-każ tal-komunità LGBTIQ+ iżda anke ta’ minoranzi oħra fosthom l-immigranti u fejn jidħlu d-drittijiet sesswali u riproduttivi, inkluż l-abort. Żewġ suġġetti kontroversjali li nafu li bihom se nolqtu l-musmar fuq rasu. Imma, huwa minnu li sa ftit snin ilu, daqstant kien kontroversjali s- suġġett tal-omosesswalità f’pajiżna.
Meta nħarsu sinċerament ġo fina, nafu li t- triq għadha twila imma nemmnu li b’xi mod u flimkien, nimxuha. Fuq skala globali l-komunitajiet f’minoranza, inkluża dik LGBTIQ+, jiffaċċjaw diskriminazzjoni, stigma, preġudizzju u marġinalizzazzjoni. Bħala soċjetà għandna l-obbligu morali li nirrikonoxxuhom u nindirizzawhom biex niżguraw li kulħadd igawdi ħajtu b’mod liberu u fil-paċi.
Ir-riperkussjonijiet ta’ soċjetà inġusta lejn dawn il-minoranzi huma kbar fosthom prob- lemi ta’ saħħa mentali, inugwaljanza, tbatija, ibbulljar u atti kriminali, kif ukoll nuqqas ta’ rappreżentanza xierqa. Meta nirrikonoxxu l-isfidi li jiffaċċjaw dawn il-komunitajiet u nieħdu passi konkreti b’idejna fuq il-kuxjenza, nistgħu nibnu soċjetà fejn kull individwu huwa trattat b’dinjità u rispett. Dan irrelevanti mill-identità, mir-razza u minn liema komunità persuna hija ġejja. Dan għax, ilkoll kemm aħna bnedmin u lkoll kemm aħna tad-demm u l-laħam.