Thursday, December 26, 2024

“Id-diskussjoni ssir” imma l-PN mhux se jdaħħal l-abort

Il-Kap tal-Oppożizzjoni jagħmilha ċara li taħt gvern tiegħu għalxejn niddiskutu għax il-prinċipju Nazzjonalista hu dak li hu

Aqra wkoll

F’waħda mill-mistoqsijiet minn ġurnalista li saret lill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech fl-ewwel sessjoni tal-Kunsill Ġenerali tal-PN “Malta Żagħżugħa”, għamilha ċara li d-dritt tal-abort f’Malta mhuwiex se jidħol u dan minkejja li kif ippreċiżatlu l-ġurnalista stess, ħafna żgħażagħ huma favur diskussjoni matura fir-rigward. Grech, b’mod ironiku qal li iva, id-diskussjoni ssir imma sostna li l-prinċipju bażilari li “aħna” jiġifieri l-PN, li fuqu nibnu kollox huwa dak favur il-ħajja.

“Għandi d-dritt li jkolli prinċipju favur il-ħajja. Is-suġġett tal-abort huwa delikat ħafna u ġimgħtejn ilu għidt li però dan il-pajjiż irid jifhem li kull diskussjoni għandha tkun matura. Il-partit jaqbel fuq il-punt li niddefendu l-ħajja. Nistgħu nagħmlu diskussjoni imma li jinteressani huwa li jitħarsu d-drittijiet kollha tat-tarbija, tal-omm u tal-missier. Il-PN huwa favur il-ħajja u hija sanċità fl-istatut tagħna. Magħna taf fejn qiegħed,” iddikjara Grech.

Il-mistoqsija saritlu fid-dawl tal-liġi proposta fejn fiha tkun proprju ppreservata l-ħajja ta’ dik l-omm li ħajjitha tkun f’periklu waqt it-tqala. Hawn, minkejja li Grech qal li jrid iħares u jiddefendi d-dritt ta’ kulħadd inkluża ta’ dik l-omm, warrab ir-realtà li hemm ċirkostanzi fejn ħajjet l-omm tista’ tintilef minħabba kumplikazzjonijiet fit-tqala.

Il-kontradizzjonijiet minn Grech komplew fir-risposti tiegħu meta miss is-suġġett tal-kannabis. Filwaqt li qal li l-liġi tibqa’ hemm għax issa qiegħda hemm u “għandek dritt tgawdiha”, għalihom hija ċara li tagħmel il-ħsara. Ipprova jdur magħha billi qal, “imma rridu nirrispettaw id-drittijiet taċ-ċittadini kollha li jridu jgawdu l-arja u anke l-ħajja”.

Filwaqt li din il-liġi mhuwiex se jneħħiha għax qiegħda hemm, huwa wiegħed li jekk nivvotaw PN u jitla’, anke jekk is-sena żejda ta’ kontribuzzjonijiet għall-pensjoni tidħol fis-seħħ, din imma se jneħħiha. Iddikjara li “jekk ma tridx taħdem dik is-sena żejda, ivvota l-PN”.

Fuq l-istess retorika ta’ tkarrib għal voti, il-Kap tal-PN ta stampa ta’ Malta aħjar fuq diversi suġġetti ibda b’mudell ekonomiku ġdid għal pajjiż ta’ kwalità fejn fl-istess ħin ammetta li din il-bidla taħt gvern tal-PN mhiex se ssir mil-lum għal għada; dwar il-faqar ammetta li t-tnaqqis fl-income tax hija miżura “tajba ħafna” però ma damx ifaħħar għax sostna li fil-Budget 2025 m’hemm ebda investiment imsemmi fis-saħħa meta fil-verità, dan l-investiment mhux talli qiegħed hemm, iżda żdied; u opportunitajiet għaż-żgħażagħ biex jekk iridu jibqgħu Malta.

“Aħna m’aħna se norbtu lil ħadd milli jitlaq minn pajjiżna. Anzi, kien il-PN li sar membru tal-UE u ż-żgħażagħ raw ġid kbir permezz tal-opportunitajiet fl-UE. Imma llum is-sitwazzjoni hija differenti għax illum iż-żgħażagħħ m’għandomx għażla. Iħossuhom fgati. Għandna realtà kiefra… Irridu nagħtu lill-pajjiż direzzjoni ċara. L-ewwel li rridu nagħtuhom huwa s-serħan il-moħħ li jkollhomm futur”.

Minkejja dan il-kliem, però, minn dak li indika dwar diskussjoni li jridu proprju ż-żgħażagħ dwar l-abort, is-serħan il-moħħ fejn jidħlu drittijiet li huwa u lanqas il-partit tiegħu ma jaqblu magħhom, m’hemmx serħan il-moħħ. Dan għax, minn dak li indika Bernard Grech, id-diskussjonijiet isiru imma jieqfu hemm.

Ekonomija

Sport