F’soċjetà awtoritarja jew li qed tersaq lejn hekk, isir kruċjali kif l-espressjoni artistika u kulturali tippożizzjona ruħha, favur jew kontra ir-reġim li jkun qed jistabilixxi ruħu. Meta s-soċjetà tkun ċkejkna, hu ħafna aktar faċli biex il-kontrolli awtoritarji joħonqu d-dissens kulturali. F’waħda akbar għal ferm akbar, il-biċċa ssir aktar komplikata.
Jekk is-soċjetà ilha kkondizzjonata għal tmexxija awtoritarja, bħal fiċ-Ċina u fir-Russja, instabet ħaġa aktar faċli li l-kultura u l-arti jiġu integrati fl-istrutturi ta’ tmexxija, kemm permezz tal-użu ta’ inċentivi, kemm bid-daqqiet ta’ bastun.
F’soċjetajiet ta’ daqs kbir, fejn it-tradizzjoni liberali ta’ ħsieb u ħidma ilha li kabbret l-għerq, id-dissens kulturali jieħu qawwa. Bħalissa, qed jagħmel din l-esperjenza l-President Trump. Qed isib li parti kbira mill-istabbiliment artistiku u kulturali Amerikan – mhux biss dak li jitqies “elitista” imma anke l-faxxa kbira popolari tiegħu – qed tqanqal il-mewġ kontra t-tmexxija tiegħu. F’dan qed jintużaw metodi “populisti” bħalma dejjem kienu tiegħu – bħal fl-ispettaklu ta’ Bad Bunny fil-final sportiv tas-Super Bowl, li prattikament l-Amerika kollha rat.
KONNA AĦJAR...
Għadek tisma’ fost ċerti nies… u mhux anzjani… l-ilment li Malta kienet titmexxa aħjar meta kienet titmexxa mill-barrani. Donnhom jaħsbu li t-tmexxija tal-Ingliżi pereżempju, kienet karatterizzata minn sens ta’ fair play u ġustizzja, mingħajr il-preferenzi u l-klijenteliżmu li skont huma, jherru l-governanza ta’ Malta mill-Maltin.
Din il-viżjoni tal-imġħoddi hi falza għal kollox. Is-sentimenti warajha taw rankatura lill-isforzi biex Malta tiddaħħal membru sħiħ tal-Unjonji Ewropea snin ilu. Fuq kollox, l-istqarrija li konna aħjar taħt governanza barranija ma tagħmilx sens ekonomikament u soċjalment. Il-progress li twettaq f’dawn l-oqsma seħħ minn wara l-Indipendenza, mhux qabilha.
XOGĦLIJIET TAT-TOROQ
Diffiċli tifhem għaliex ċerti proġetti ta’ xogħol publiku jibqgħu jittawlu daqstant, anke f’żoni fejn joħolqu diżgwid kbir. Waqt li proġetti infrastrutturali kbar jingħataw l-importanza li tistħoqqilhom biex iżommu mal-kalendarju ssettjat għalihom, ma jidhirx li l-istess isir fuq proġetti iżgħar imma ta’ importanza.
Nitkellem minn fejn noqgħod – B’Kara. Fis-salib it-toroq (biex ma tgħidilhiex pjazza) ta’ quddiem il-bini tal-kunsill lokali u ċ-ċentru tas-saħħa, tħaffret ħofra xi ġimgħat ilu. Iddawret b’tagħmir li joħloq imblokk fit-triq. Wieħed kien jistenna li x-xogħol meħtieġ, hu xinhu, se jintemm bl-akbar ħeffa. Xejn minn dan.
U mhux wisq bogħod, fit-triq li mis-Swatar twassal lejn iż-żona ta’ Paris, maġenb il-by-pass ta’ B’Kara, xogħlijiet li ilhom għaddejja daqs sena, forsi aktar, baqgħu jimblokkaw l-aċċess faċli għaż-żona Ta’ Paris.
Bla dubju, problemi ta’ dat-ttip jeżistu f’inħawi oħra tal-gżejjer tagħna. Għaliex jibqgħu jiġu tollerati?

