Friday, December 13, 2024

“Id-diversità fost it-tfal tkompli tagħmel id-dinja isbaħ milli hi”

Il-President ta' Special Olympics Malta tgħid li t-triq lejn l-inklussività għadha twila

Aqra wkoll

Malta, matul iż-żmien rat progress kbir fejn tidħol l-inklużjoni, però l-ħidma ma tistax tieqaf hawn; għandna nibqgħu naħdmu sabiex inkomplu nsaħħu l-inklużjoni fis-soċjetà tagħna. Dan qalitu l-President tal-Ispecial Olympics ta’ Malta, Dr Lydia Abela, waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret iktar kmieni dalgħodu.

Hija enfasizzat dwar l-inklużjoni u b’mod speċjali l-inklużjoni fl-isport. Infatti, l-Ispecial Olympics tqisha bħala mezz fejn l-isport jagħti lok għall-inklużjoni. Hija rringrazzjat lill-kowċijiet tal-isports għall-kontribut tagħhom, b’mod speċjali lil Sport Malta li ħadmet qatigħ id f’id mal-Ispecial Olympics u l-atleti tal-olimpjadi.

Dr Abela sostniet li: “It-tfal tal-lum huma l-ġenerazzjoni t’għada” u li għalhekk l-inklużjoni għandha tibda minn meta l-individwi jkunu għadhom ta’ età żgħira. Hija għamlet aċċenn għas-sistema tal-edukazzjoni ta’ Malta, fejn spjegat li dan qed jiġi prattikat b’mod speċjali waqt il-lezzjonijiet tal-edukazzjoni fiżika billi jkun hemm kollaborazzjoni bejn l-għalliema u l-LSEs. Dan sabiex dawk it-tfal li għandhom abbiltajiet differenti minn studenti oħra, jingħataw id-dritt li jsegwu dawn il-lezzjonijiet li jkunu adattati għall-bżonnijiet tal-individwu partikolari, anki jekk saħansitra jeħtieġ li student jingħata lezzjonijiet kompletament differenti minn ta’ sħabu. “Id-diversità fost it-tfal tkompli tagħmel id-dinja isbaħ milli hi”, saħqet Dr Abela.

Il-President tal-Ispecial Olympics saħqet li d-dritt għall-opportunitàjiet indaqs huwa dak li jwassal sabiex tinħoloq l-inklużjoni u għalhekk kull individwu għandu jkollu l-opportunità li jagħżel. 

Ekonomija

Sport