Tuesday, April 30, 2024

Darts: Esperjenza internazzjonali għall-plejers Maltin

Aqra wkoll

Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet it-tim nazzjonali Malti tad-darts kien impenjat f’sensiela ta’ logħbiet internazzjonali ta’ ħbiberija kontra l-Awstrija fid-DC Darts Control fi Vjenna.

Il-kontinġent kienu jinkludi lil Albert Scerri, Norbert Attard, Tony Borg u Enrico Scerri fit-tim tal-irġiel filwaqt li Althea Ciantar, Amy Abela u Beverly Keen irrappreżentaw lit-tim nazzjonali tan-nisa.

Il-kuġini Kyle u Matti Satariano ħadu sehem fil-kategorija taż-żgħażagħ.

Fost ir-riżultati pożittivi li kien hemm, il-plejer Malti Norbert Attard kellu l-aqwa average b’Tony Borg li saħansitra kellu l-aqwa average check-out. Il-plejer ta’ 9 snin Kyle Satariano rnexxielu jirbaħ lil Christiane Music li hi rrankjata t-tieni fl-Awstrija.

Il-logħob kien maqsum fil-kategoriji ta’ singles, doubles u bħala tim.

F’kumment li ta, il-president tal-Malta Darts Association Roderick Zammit faħħar il-laqgħa sabiħa li ngħatat mill-Assoċjazzjoni Awstrijaka u semma’ kemm dan l-avveniment kien importanti ħafna għat-tim nazzjonali minħabba l-preparamenti li diġa’ bdew isiru għat-tazza Ewropea li se ssir f’Settembru. Fuq kollox ingħatat esperjenza lill-plejers żgħażagħ Maltin jikkompetu ma’ oħrajn barranin.

Sport