Tuesday, April 30, 2024

Il-konferenza dwar il-futur tal-Ewropa tikkonkludi l-ħidma tagħha

Aqra wkoll

F’Jum l-Ewropa, il-Presidenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kummissjoni u tal-Kunsill irċevew ir-rapport finali bi proposti għar-riforma tal-UE.

F’ċerimonja tal-għeluq fi Strasburgu, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola, f’isem il-Presidenza tal-Kunsill, il-President Emmanuel Macron, u l-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen irċevew ir-rapport finali dwar l-eżitu tal-Konferenza mingħand il-Kopresidenti tal-Bord Eżekuttiv tal-Konferenza.

Dan il-vjaġġ bla preċedent ta’ sena ta’ diskussjoni, dibattiti u kollaborazzjoni bejn iċ-ċittadini u l-politiċi wassal għal rapport iċċentrat fuq 49 proposta li jinkludu objettivi konkreti u aktar minn 320 miżura biex l-istituzzjonijiet tal-UE jimplimentaw, maqsuma f’disa’ suġġetti: it-tibdil fil-klima u l-ambjent; is-saħħa; ekonomija aktar b’saħħitha, ġustizzja soċjali u impjiegi; l-UE fid-dinja; il-valuri u d-drittijiet, l-istat tad-dritt, is-sigurtà; it-trasformazzjoni diġitali; id-demokrazija Ewropea; il-migrazzjoni; l-edukazzjoni, il-kultura, iż-żgħażagħ u l-isport. Il-proposti huma bbażati fuq rakkomandazzjonijiet magħmula minn ċittadini li ltaqgħu fil-Panels taċ-Ċittadini Ewropej, Panels Nazzjonali taċ-Ċittadini u kkontribwew l-ideat tagħhom fuq il-Pjattaforma Diġitali Multilingwi.

Il-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola, qalet: “Iċ-ċittadini — speċjalment iż-żgħażagħ — jinsabu fil-qalba tal-viżjoni tagħna għall-futur tal-Ewropa. Huma ffurmaw direttament l-eżitu tal-Konferenza. Ninsabu f’mument deċiżiv tal-integrazzjoni Ewropea u l-ebda suġġeriment għall-bidla m’għandu jkun ikkunsidrat bħala barra mil-limiti. M’għandniex nibżgħu nisfruttaw is-setgħa tal-Ewropa biex tibdel ħajjet in-nies għall-aħjar.”

Il-President Emmanuel Macron, waqt il-konferenza li saret ilbieraħ, ikkummenta: “Permezz tal-kriżijiet li sofrejna kollettivament f’dawn l-aħħar snin, l-Ewropa nbidlet. Irridu nkomplu b’dan l-iżvilupp u niżguraw li l-Unjoni tilħaq l-aspirazzjonijiet u l-aspettattivi espressi miċ-ċittadini. Il-Konferenza dwar il-futur tal-Ewropa, li qed nagħlqu llum, hija eżerċizzju uniku u mingħajr preċedent fl-ambitu tagħha, nifs ta’ arja

friska għall-kontinent tagħna. Il-konklużjonijiet jikkostitwixxu sors rikk ħafna ta’ proposti, li kull istituzzjoni għandha teżamina fil-qafas tal-kompetenzi tagħha. Il-Kunsill ser ikollu l-opportunità li jesprimi ruħu fil-ġimgħat li ġejjin. Hekk kif dan l-eżerċizzju qed jintemm taħt il-Presidenza Franċiża, nirringrazzja lill-presidenzi preċedenti għall-impenn tagħhom u ninsab kuntent li nagħti s-segwitu li għandu jingħata lill-konklużjonijiet tal-konferenza lill-presidenzi Ċeki u Svediżi.

Il-President Ursula von der Leyen qalet: “Id-demokrazija, il-paċi, il-libertà individwali u ekonomika. Dan huwa dak li tirrappreżenta l-Ewropa llum meta l-gwerra reġgħet lura fil-kontinent tagħna. Dan huwa l-qalba tal-konferenza dwar il-futur tal-Ewropa. L-Unjoni Ewropea trid tkompli twettaq l-aspettattivi taċ-ċittadini Ewropej. Illum, il-messaġġ tagħhom wasal b’mod qawwi u ċar. U issa, wasal iż-żmien li nimplimentaw.

Matul l-aħħar sena, permezz ta’ għadd kbir ta’ avvenimenti u diskussjonijiet organizzati madwar l-UE, panels taċ-ċittadini nazzjonali u Ewropej, laqgħat plenarji kif ukoll skambji fuq il-Pjattaforma Diġitali Multilingwi ddedikata, il-konferenza saret forum verament miftuħ biex tiġi diskussa l-Ewropa li rridu ngħixu fiha. Dan ippermetta dibattitu trasparenti, inklużiv u strutturat maċ-ċittadini Ewropej dwar il-kwistjonijiet li huma ta’ rilevanza għalihom u għall-futur tagħhom.

Il-ħidma tal-Parlament Ewropew

Fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar l-eżitu tal-konferenza dwar il-futur tal-Ewropa adottata fl-4 ta’ Mejju, il-Parlament Ewropew laqa’ u approva l-konklużjonijiet tal-konferenza. Il-MPE irrikonoxxew li l-proposti tagħha jeħtieġu bidla fit-Trattat u talbu lill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali biex iħejji proposti għar-riforma tat-Trattati tal-UE, proċess li jsir permezz ta’ Konvenzjoni f’konformità mal-Artikolu 48 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

Guy Verhofstadt, li jirrappreżenta lill-Parlament bħala kopresident tal-Bord Eżekuttiv, qal: “Ir-rakkomandazzjonijiet taċ-ċittadini u l-konklużjonijiet tal-konferenza joffrulna pjan direzzjonali biex nevitaw li l-Unjoni Ewropea ssir irrilevanti jew saħansitra tisparixxi. Ewropa ġdida, effettiva u aktar demokratika hija possibbli. Ewropa sovrana u kapaċi taġixxi, kif jistennew b’mod ċar iċ-ċittadini. Verament m’hemmx ħin x’jintilef. Jeħtieġ li nonoraw l-eżitu tal-konferenza u nimplimentaw il-konklużjonijiet tagħha malajr kemm jista’ jkun.”

Il-Passi li Jmiss

It-tliet istituzzjonijiet issa ser jeżaminaw kif għandhom isegwu b’mod effettiv dawn il-proposti, kull wieħed fl-isferi ta’ kompetenza tiegħu stess u f’konformità mat-Trattati.

Se jsir avveniment ta’ feedback biex iċ-ċittadini jiġu aġġornati fil-ħarifa tal-2022.

Tagħrif ta’ sfond

Il-konferenza dwar il-futur tal-Ewropa kienet proċess ġdid u innovattiv, eżerċizzju minn isfel għal fuq għall-Ewropej biex isemmgħu leħinhom dwar dak li jistennew mill-Unjoni Ewropea. Ċittadini Ewropej ta’ oriġini ġeografika, sess, età, sfond soċjoekonomiku u/jew livell ta’ edukazzjoni differenti pparteċipaw fil-konferenza, biż-żgħażagħ Ewropej ikollhom rwol ċentrali.

Sport