Tuesday, April 30, 2024

L-Ukrajna u l-UE jiddiskutu l-iżblokk ta’ portijiet Ukreni

Aqra wkoll

L-Ukrajna u l-Unjoni Ewropea ddiskutew x’miżuri immedjati għandhom jittieħdu sabiex jiġu żblukkati l-portijiet tal-Ukrajna għall-esportazzjoni tal-qamħ biex tiġi evitata kriżi globali tal-ikel.

Il-portijiet tal-Baħar l-Iswed bħalissa huma mblukkati mir-Russja u din is-sitwazzjoni ġiegħlet lill-esportaturi tal-qamħ ifittxu alternattivi biex iċaqalqu l-merkanzija tagħhom.

Il-President Ukren Volodymyr Zelensky qal li ddiskuta l-prevenzjoni ta’ kriżi globali tal-ikel ikkawżata mill-azzjonijiet aggressivi tar-Russja waqt taħditiet li kellu mal-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel fiż-żjara li dan tal-aħħar għamel f’Odessa nhar it-Tnejn.

Qabel bdiet il-gwerra, l-Ukrajna esportat 4.5 miljun tunnellata ta’ prodotti agrikoli fix-xahar permezz tal-portijiet tagħha -12% tal-qamħ tad-dinja, 15% tal-qamħirrun u 50% taż-żejt tal-ġirasol, irrapportat l-aġenzija tal-aħbarijiet AFP.

Iżda l-invażjoni Russja dgħajfet il-kapaċità tal-esportazzjoni tal-Ukrajna wara li r-Russja qerdet l-infrastruttura tat-trasport u mblokkat il-port ta’ Odessa li huwa l-port ewlieni għall-esportazzjoni tal-qamħ.

Charles Michel ġie rappurtat li qal li fil-port ta’ Odessa huwa ra silos mimlija bi kwantità kbira ta’ qmuħ lesti għall-esportazzjoni u sostna li dan l-ikel tant meħtieġ huwa mitluq minħabba l-gwerra Russa u l-imblokk tal-portijiet tal-Baħar l-Iswed. Huwa żied jgħid li dawn se jikkawżaw konsegwenzi drammatiċi għall-pajjiżi vulnerabbli u għaldaqstant hemm bżonn rispons globali.

Sport