Tuesday, December 24, 2024

“Id-djalogu soċjali huwa l-bażi ta’ kollox” – Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fl-aħħar jiem il-GWU ressqet il-proposti tagħha għall-budget 2022. Bħalma tagħmel ta’ kull sena, il-GWU ressqet għadd ġmielu ta’ proposti li jolqtu mhux biss b’mod dirett lill-ħaddiema fil-post ta’ xogħol iżda ukoll faxex oħra tas-soċjetà.

L-għan tal-GWU huwa li tara kull persuna timxi ‘l quddiem b’mod ħolistiku fil-kwalità ta’ ħajja li ngħixu. Il-GWU temmen li għandna kontinwament naħdmu flimkien biex nattiraw investimenti fl-ekonomija bil-għan li jerġa’ jiġi ġġenerat it-tkabbir ekonomiku li pajjiżna kien tant imdorri bih. 

Dawn il-proposti kienu milqugħin tajjeb mill-gvern fejn fost persuni distinti oħra l-Ministru Għall-Ekonomija Silvio Schembri ddeskriviehom bħala proposti dettaljati li juru s-serjetà tal-GWU. Barra minn hekk, il-Ministru Schembri qal li l-GWU, minkejja li hija Union tal-Ħaddiema, ma tillimitax ruħha għal aspett tradunistiku imma tmur aktar minn hekk. Il-GWU tara li bħala sħab soċjali nsibu soluzzjonijiet flimkien mal-Gvern u min iħaddem.

B’reazzjoni għal dan is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja qal li l-kobor tal-GWU mhuwiex li tippreżenta l-proposti tagħha u tieqaf hemm.

Il-GWU tmur oltre minn dan hekk kif l-Union tal-Ħaddiema jinteressa thares l-interess tal-ħaddiema billi tipproteġi u tipprova tattira l-investiment għax dan jissarraf f’żieda ta’ impjiegi u f’impjiegi ta’ kwalità. “Għalhekk, aħna naħdmu flimkien mal-Gvern biex nattiraw aktar investiment barrani u ngħinu lill-industrijalist biex ikompli jinvesti f’Malta. “

Hawnhekk huwa elabora li matul l-aħħar xhur, b’mod speċjali matul il-pandemija u l-isfidi li ġabet magħha, il-GWU, il-gvern u min iħaddem irnexxielhom jaslu għal soluzzjonijiet fuq ħafna mill-affarijiet li ġew diskussi.

Il-GWU kellha diskussjonijiet mal-entitajiet l-oħra fuq livell nazzjonali, livell settorjali kif ukoll azjendali u matul dawn id-diskussjonijiet il-GWU għamlet it-talbiet iżda assigurat mill-fatt li ma toqtolx lis-siġra li tieħu l-frott minnha.

“Il-qafas ta’ kollox huwa d-djalogu soċjali u nuqqas ta’ djalogu jġib miegħu reżistenza. Għalina bħala GWU m’hemm l-ebda problema li l-gvern jgħin lil min iħaddem bi skemi bħalma huma l-Covid Wage Suppliment jew rati orħos fil-kontijiet fost l-oħrajn, iżda għamilnieha ċara li dan kellu jfisser sigurtà għall-ħaddiema tagħna fejn min iħaddem jagħmel il-parti tiegħu billi jara li ma jkunx hemm min jitlef l-impjieg tiegħu”, sostna Bugeja.

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU temm jgħid li l-union tibqa’ kommessa fi djalogu socjali kontinwu li huwa essenzjali biex nattiraw ekonomija u investiment sostenibbli.

Ekonomija

Sport