Saturday, May 4, 2024

L-MPE Cyrus Engerer b’opportunitajiet mħallsa għaż-żgħażagħ fil-Parlament Ewropew

Aqra wkoll

“Walk with a Progressive” hi sejħa li qiegħed jagħmel il-Membru Parlamentari Ewropew Laburista Cyrus Engerer lil żgħażagħ u adulti progressivi li ma jridu qatt jieqfu jbiddlu s-soċejtà li ngħixu fiha, b’opportunitajiet għal diskussjonijiet fost iż-żgħażagħ fil-Parlament Ewropew, traineeships ta’ 4 xhur imħallsa fl-uffiċċju tiegħu fi Brussell u Strasburgu, kif ukoll ġimgħa job shadowing u mentoring fil-Parlament Ewropew bħala parti mit-tim tal-uffiċċju tiegħu fi Brussell.

“Irrid nagħti opportunità lil dawk kollha b’opinjonijiet b’saħħithom dwar il-ġejjieni biex mhux biss issemgħu leħinhom imma jkunu parti mit-tfassil tal-politika Ewropea matul dawn it-tlett snin li baqa’ ta’ din il-leġislatura,” qal Engerer, filwaqt li saħaq li l-ebda idea ma hi radikali wisq. 

L-ewwel sejħa hi għal għaxar żgħażagħ biex jipparteċipaw f’diskussjoni fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu dwar il-futur tal-Unjoni Ewropea ix-xahar id-dieħel.

“Sew jekk għandek qalbek marbuta mal-ambjent, il-libertajiet ċivili, is-saħħa sesswali u riproduttiva, s-saħħa mentali, d-drittijiet tal-annimali, l-istruttura tal-Unjoni Ewropea tal-futur, ir-relazzjonijiet barranin jew kwalunkwe suġġett ieħor, irrid nisma’ minn għandek u rridek tkun involut biex inbiddlu l-Unjoni Ewropes flimkien,” saħaq Engerer. 

Hu qal li f’żgħożitu kien ta’ spiss jitkellem dwar temi li kienu radikali wisq għall-għaqdiet li kien jgħamel parti minnhom u ta’ spiss instabbtulu l-bibien f’wiċċu u ingħata l-parir biex fuq ċerti temi aħjar ma jitkellimx.

“Kieku jien u oħrajn għalaqna ħalqna, illum f’pajjiżna għad ma għandnix id-dritt tad-divorzju, l-ugwaljanza fiż-żwieġ, drittijiet b’saħħithom għal persuni trans u l-uniku wieħed minn żewġ pajjiżi Ewropej biss bi drittijiet għal persuni intersex,” qal Engerer filwaqt li saħaq li l-bieb tiegħu hu miftuħ għal kull min għandu ħolma għal soċjetà aħjar. 

“Il-ħsieb ħieles u mħuħ indipendenti rridu ninkoraġġuhom. Inħares ‘il quddiem biex naħdem id f’id ma’ bosta żgħażagħ progressivi li ma jiddejjqu xejn jgħidu li jħarsu lejn l-affarijiet b’mod differenti u li lesti li jkunu l-aġenti tal-bidla fil-liġijiet u l-mentalitajiet,” ikkonkluda Engerer filwaqt li qal li “għalkemm ħaddieħor jgħidilna li ma nappartjenux, aħna jinteressana mill-futur u kapaċi nġibu l-bidla għal soċjetà sostennibli, moderna, ekwa u miftuħa.”

Dawk li jridu jsemmgħu leħinhom fi Strasburgu x-xahar id-dieħel huma mistiedna jibgħatu email bil-motivazzjoni tagħhom fuq [email protected] sas-27 ta’ Settembru. 

Sport