Sunday, April 28, 2024

ID-DONAZZJONI TAL-ORGANI GĦANDHA TKUN GĦAŻLA LIBERA MINGĦAJR PRESSJONI

Aqra wkoll

Il-ġimgħa l-oħra d-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo fil-Parlament ippropona sistema ta’ donazzjonijiet tal-organi li biha li kull ċittadin Malti awtomatikament isir donatur tal-organi. Dan sakemm ma jimlix formola li fiha jiddikjara li ma jridx jagħti organi wara mewtu. Is-sistema preżenti tal-opt-in hija dik li min irid ikun donatur tal-organi, jimla’ formola apposta u f’dak il-każ biss, jittieħdu organi wara mewtu. Din is-sistema hija pprattikata fost l-oħrajn ukoll fil-Ġermanja, id-Danimarka, l-Istati Uniti,  l-Awstralja u l-Kanada.

Bla dubju ta’ xejn, id-donazzjoni tal-organi huwa ġest nobbli li jagħti ċ-ċans ta’ ħajja lil ħaddieħor. Dan huwa ġest altruwist li f’kull pajjiż, inkluż Malta, hawn għatx kbir għalih. Dan ma jfissirx però, li għandna ngħaġġlu u naslu f’punt li aktar milli jkun att volontarju apprezzat, isir “rifjut” mistmerr dan kollu għax persuna tagħżel li ma tkunx donatur. Din is-sistema proposta mill-PN tista’ toħloq ċerta pressjoni bla bżonn fuq il-persuni li għal xi raġuni jew oħra, jippreferu li jżommu l-ġisem tagħhom jew tal-minuri responsabbli għalihom, integru wara mewthom. 

Meta timla formola ta’ donazzjoni tal-organi u tippreżenta d-dokument, tintlaqa’ bi tbissima u apprezzament. Iżda, f’każ ta’ sistema bħal din, meta persuna se tagħżel li ma tkunx donatur u tippreżenta d-dokument tista’ tħossha, għax ikun hemm min iġiegħlek tħossok hekk, li qiegħda tonqos lejn il-proxxmu. Tista’ tinħoloq pressjoni bla bżonn biex dak li jkun jimxi mal-kurrent u dan m’għandux ikun il-każ. Is-sistema preżenti hija sistema sensibbli li biha, kull min jixtieq jagħti dan ir-rigal ta’ ħajja, jista’ jagħmel dan b’mod liberu. 

Id-donazzjoni tal-organi hija aspett kritiku tal-kura tas-saħħa li ssalva għadd ta’ ħajjiet kull sena. Madankollu, li xi ħadd isir donatur ta’ organi hija deċiżjoni personali għall-aħħar u għandha tiġi rispettata bħala kwistjoni ta’ awtonomija individwali. Nemmnu li għandha tkun irrispettata l-libertà tal-għażla fid-donazzjoni tal-organi mingħajr ebda possibbiltà ta’ pressjoni jew preġudizzji. Nenfasizzaw fl-importanza li għandhom jiġu rispettati d-drittijiet tal-individwi li jieħdu deċiżjonijiet infurmati dwar ġisimhom.

Hemm aspetti differenti li wieħed irid jikkonsidra fosthom ir-rispett tal-awtonomija fejn kull persuna jkollha  d-dritt li tieħu deċiżjonijiet liberi dwar ġisimha stess, inkluż jekk tagħtix organi jew le. Ir-rispett tal-awtonomija individwali jfisser li tagħraf li l-valuri, it-twemmin u l-preferenzi ta’ kull persuna jistgħu jinfluwenzaw id-deċiżjoni tagħha dwar id-donazzjoni tal-organi. Ma jfissirx li għax persuna tagħżel li ma tagħtix l-organi tagħha wara mewta għandha inqas għal qalbha l-proxxmu.

Irid ikun hemm kunsens infurmat ibbażat fuq il-valuri u x-xewqat personali, konsiderazzjoniet kulturali, etiċi u reliġjużi, kif ukoll fiduċja fis-sistema tas-saħħa nnfisha. Aħna favur il-libertà tal-għażla mingħajr ebda pressjoni fuq l-individwu. Favur anke d-donazzjonijiet tal-organi iżda mhux bil-mod li qiegħda tipproponi l-Oppożizzjoni. Inħossu li qabel nilleġislaw jsiru aktar sforzi biex jiżdied l-għarfien dwar id-donazzjoni tal-organi ħalli l-poplu jkun f’qagħda informata qabel jikkunsidra d-donazzjoni. Inizjattivi ta’ edukazzjoni u ta’ sensibilizzazzjoni b’rispett, jistgħu jgħinu biex iżidu r-rati tad-donazzjonijiet filwaqt li jonoraw id-drittijiet tal-individwi li jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom stess.

Il-leġiżlazzjoni għandha tappoġġja u tipproteġi d-drittijiet tal-individwi li jieħdu deċiżjonijiet dwar id-donazzjoni tal-organi. Il-liġijiet u l-politiċi għandhom iżommu l-libertà tal-għażla filwaqt li jipprovdu salvagwardji kontra possibbiltà ta’ pressjoni bla bżonn, sfruttament u diskriminazzjoni fil-prattiċi tad-donazzjoni tal-organi.

Billi nagħtu s-setgħa lill-individwi biex jieħdu deċiżjonijiet infurmati dwar id-donazzjoni tal-organi, inkunu qegħdin nonoraw id-drittijiet, il-valuri u x-xewqat tan-nies filwaqt li nippromwovu l-benefiċċji li jsalvaw il-ħajja tat-trapjant tal-organi. Ejjew nippromwovu sistema tal-kura tas-saħħa li tagħti valur u tirrispetta l-għażliet ta’ kull individwu, li tiżgura d-dinjità u l-awtonomija fi kwistjonijiet delikati bħal dawn bħalma hija dik tad-donazzjoni tal-organi.

Sport