Sunday, December 22, 2024

Id-DPM iħabbar aktar rilaxx tal-miżuri… aċċess għal self testing u t-tieni booster b’mod volontarju

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Waqt kollegament telefoniku fuq l-istazzjon nazzjonali, id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne ħabbar parti oħra mir-rilaxx f’dik li l-awtoritajiet qegħdin isejħu bħala l-exit road map. Mill-Ħadd li ġej se jkunu jistgħu jsiru attivitajiet bilwieqfa fuq barra, kif ukoll dawk l-attivitajiet bilqiegħda fuq ġewwa mingħajr il-bżonn ta’ ċertifikat ta’ tilqim. Għalissa dawk li l-attivitajiet li jsiru bilwieqfa fuq ġewwa jeħtieġu ċertifikat ta’ tilqim. Huwa nnota li b’hekk il-festi se jkunu jistgħu jsiru u appella lill-pubbliku biex kemm jista’ jkun ċertu ffullar f’każini jiġi evitat.

Mit-Tnejn li ġej, apparti dawk li jippreżentaw iċ-ċertifikat tat-tilqim, dawk il-persuni li jirkupraw mill-Covid b’ċertifikat ta’ rkupru ta’ mhux aktar minn 180 ġurnata u dawk li jiġu b’pcr test negattiv li jkun ittieħed sa mhux aktar minn 72 siegħa qabel, se jkunu jistgħu jidħlu pajjiżna mingħajr il-bżonn li joqogħdu fi kwarantina.

Wara l-vaganzi tal-Għid, mhux se jkun għadu obbligatorju li t-tfal fl-iskejjel jibqgħu jilbsu l-maskri. Barra minn hekk, il-Ministru qal li filwaqt li se jkompli l-ittestjar, l-awtoritajiet se jkunu qegħdin jitfgħu responsabbilità fuq il-pubbliku biex jittestja lilu nnifsu. B’hekk se jkun qiegħed jinħareġ avviż legali fejn is-self testing se jsir permessibbli. Jekk persuna tinstab pożittiva, minbarra tinforma lit-tabib personali, qiegħda tkun mitluba tikkuntattja l-111 biex l-awtoritajiet ikunu jistgħu jżommu rendikont tal-każi attivi fis-soċjetà.

Fearne ħabbar ukoll li l-gvern se jkun qiegħed joffri b’mod volontarju t-tieni booster lil dawk l-aktar vulnerabbli biex tkun tista’ tiżdied il-protezzjoni għal dawn in-nies. Huwa qal li l-pjan hu li nibqgħu nersqu lejn normalità sħiħa filwaqt li nibqgħu nħarsu s-saħħa tal-poplu kollu.

Qal li hu bħal xi 352,000 persuna ħa l-booster u għalhekk għandu sintomi ħfief ħafna u għandu bħal riħ ħafif. Huwa tenna li l-booster taħdem u li meta tkun imlaqqam, għalkemm tista’ tieħu l-virus, b’mod speċjali minħabba varjanti ġodda, is-sintomi fil-maġġoranza l-kbira tal-każijiet ikunu ħfief.

Huwa qal li fil-komunità għandna numru ta’ każijiet li telgħu għal medja ta’ madwar 640 każ ġdid. MInkejja dan il-każijiet fl-ITU huma baxxi ħafna u li dan ifisser li l-immunità hija għolja ħafna.

Ekonomija

Sport