“Is-suċċess ta’ trabi li jitwieldu bl-IVF f’Malta huwa tajjeb ħafna meta mqabbel ma’ pajjiżi oħra Ewropej. Huwa ogħla mill-medja ta’ dak li hemm fl-Unjoni Ewropea. Is-sena l-oħra, it-‘take home baby rate’ f’Malta kienet ta’ ‘l fuq minn 21%. B’hekk għandna rata komparabbli tajba ħafna ma’ pajjiżi oħrajn iżda nistgħu nagħtu aktar opportunitajiet lil aktar nisa jsiru ommijiet, irġiel isiru missirijiet u jkollna aktar familji.”
Qal dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne waqt id-diskussjoni parlamentari b’rabta mal-estimi finanzjarji tal-Awtorità dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni.
Fearne beda billi nnota b’sodisfazzjon li l-liġi l-ġdida tal-IVF, li se żzid l-opportunitajiet ta’ ħajjiet u familji ġodda u tagħti tama lil min s’issa ried bilfors isiefer biex ikollu tarbija, għaddiet mill-istadju ta’ Kumitat fil-Parlament.
Huwa semma kif bil-liġi tal-IVF tal-2012, id-donazzjoni tal-gamiti kienet projbita milli ssir iżda bl-emendi li ddaħħlu fl-2018, għamilha possibbli li dawk il-koppji li m’għandhomx triq oħra ħlief li jkollhom wild permezz ta’ din il-proċedura, ikunu jistgħu jagħmlu dan.
Huwa spjega kif is-sena li għaddiet kien hemm 26 donatur tal-isperma. Permezz tal-liġi tal-2018 kien hemm disa’ proċeduri ta’ intra uterine insemination (IUI) bid-donazzjoni tal-isperma. Grazzi għal dawn il-proċeduri, twieldu żewġt itrabi u fil-ġimgħat li ġejjin se titwieled it-tielet tarbija.
Fearne kompla jispjega li sa issa m’għandniex persuna li setgħet tagħmel l-IVF bid-donazzjoni tal-oocyte f’pajjiżna hekk kif il-liġi tal-2018 kellha bżonn tiġi rfinata u hekk se jkun qed jiġri bl-emendi l-ġodda. Sadanittant, matul is-sena li għaddiet kien hemm 354 ċiklu tal-IVF u 114-il ċiklu ta’ IUI.
Fearne tkellem ukoll dwar l-iffriżar tal-embrijuni. Huwa nnota li fl-2012 ma stajtx tagħmel embryo freezing imma dakinhar kien iddaħħal kunċett li ddeskrivieh “nofs kedda” li tista’ tiffriża l-bajd.
“Tafu kemm twieldu fl-2021 trabi li kienu ġejjin minn bajd iffriżat? Lanqas tarbija waħda. Kellu jkun dan il-Gvern li fl-2018 daħħal l-iffriżar tal-embrijuni biex illum qed ikollna rata ta’ suċċess ta’ 21% li hi aqwa mill-medja Ewropea,” qal Fearne.
Huwa qal ukoll li dalwaqt se jkollna liġi tal-PGT-M f’pajjiżna biex dawk l-ommijiet u missirijiet prospettivi, li fil-familji tagħhom għandhom mard monoġeniku li jwassal għal kundizzjonijiet li mhux kompatabbli mal-ħajja, jingħataw l-għajnuna biex f’pajjiżna stess huma wkoll ikollhom tarbija li tgħix ħajja b’saħħitha u normali.