Tuesday, December 24, 2024

“Id-dritt li wieħed jipprotesta għandu jiġi protett”

- Amnesty International

Aqra wkoll

Id-dritt li wieħed jipprotesta fl-Ewropa għandu jiġi protett, anke fid-dawl tal-aħħar żviluppi li kien hemm bejn l-Iżreal u l-Palestinjani. Hekk stqarret Esther Major, Deputat Direttur tar-Riċerka fl-Ewropa għal Amnesty International.

“Il-konsegwenzi devastanti li qed iwettaq l-Iżreal fuq il-poplu Palestinjan, l-aktar minħabba l-attakki mill-ajru u anke li mhux qed iħalli konsenji tal-ikel u tal-mediċina jidħlu fil-Medda ta’ Gaża, qed iwasslu biex ħafna persuni fl-Ewropa joħorġu jipprotestaw.

“Minkejja dan, bosta pajjiżi Ewropej qegħdin jimponu restrizzjonijiet illegali fuq dawn id-dimostranti. Il-miżuri li qed jittieħdu huma diversi, fosthom li jipprojbixxu lid-dimostranti milli jżommu xi kartelluni f’idejhom jew li jxejru bnadar Palestinjani. Kien hemm każi wkoll li d-dimostranti ġew attakkati b’mod brutali mill-pulizija. Hemm pajjiżi oħrajn li mhux qegħdin jagħtu permess lill-Palestinjani biex jipprotestaw,” stqarret Esther Major waqt intervista li tat lill-midja internazzjonali.

Hija kompliet tgħid li l-awtoritajiet Ġermaniżi waqqfu kull dritt ta’ protesta lill-Palestinjani li jgħixu fil-pajjiż, filwaqt li nhar it-Tlieta li għadda, Qorti fi Franza qalet lill-Gvern tal-pajjiż li ma jistax jimponi restrizzjonijiet fuq il-Palestinjani biex ma jkunux jistgħu jipprotestaw.

Eżempji oħra jinkludu r-Renju Unit fejn ġew żvelati ittri li l-ministri tal-Gvern bagħtu biex jippruvaw jinfluwenzaw lill-kapijiet tal-pulizija b’tali mod li d-dimostranti Palestinjani jitwaqqfu milli jipprotestaw.

Major tgħid li kull stat għandu l-obbligu legali li jħalli persuni jipprotestaw b’mod paċifiku biex juru t-tħassib tagħhom jew inkella biex juru solidarjetà ma’ xi ħadd.

Ekonomija

Sport