Din il-ġimgħa rajna oxxenità oħra sseħħ quddiem għajnejna. Oxxenità li bl-iktar mod ċar deher li mhux biss għamlet farsa mid-dritt tal-privatezza tal-persuna imma wkoll saret bi skop li li tumilja u tkisser il-karattru tal-persuna.
Quddiem din l-immoralità u indiċenza qawwija, kif se twieġeb u tirreaġixxi s-soċjetà tagħna? Se tibqa’ siekta, ma tagħtix widen u taċċetta li affarijiet gravi bħal dawn jibqgħu jipperpetwaw? Jekk iva, allura f’pajjiżna għandha kollass totali ta’ x’inhu morali u diċenti.
Jekk inhu hekk verament, bilfors ikollna nammettu li f’pajjiżna wasalna fi stat fejn id-drittijiet tal-wieħed jintemmu mal-bidu tad-drittijiet ta’ ħaddieħor. U aktar agħar jekk ninqdew bid-dritt tal-libertà tal-espressjoni.
Dan li qed ngħidu m’aħniex ngħiduh la biex nidħlu fil-mertu tal-każ u wisq inqas biex niddefendu lid-Deputat Laburista Rosianne Cutajar jew biex nikkundannaw l-aġir ta’ Mark Camilleri. Qed nagħmluh biss biex niddefendu b’ħilitna kollha d-dritt li kull persuna għandu jkollha għall-privatezza tagħha.
B’danakollu iżda, ma nistgħux ma nirriflettux ftit fuq il-ħafna stramberiji li jduru madwar il-każ tal-publikazzjoni minn Mark Camilleri u ripetuti minn siti oħrajn, ta’ diversi ‘chats’ li għaddew bejn Rosianne Cutajar u Yurgen Fenech li hu suspettat mandant tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
U hawnhekk ma nistgħux ma nistaqsux kif Mark Camilleri ġie fil-pussess ta’ mijiet ta’ paġni ta’ dawn iċ-“chats’. Għax skont ma huwa magħruf dawn l-istess ‘chats’ huma parti minn evidenza fil-qorti u fuqhom hemm divjett tal-publikazzjoni b’digriet tal-qorti u ma setgħux jiġu żvelati u mxandra. F’dan il-każ allura, minkejja l-ordni tal-qorti, min kien li għadda l-informazzjoni kollha dwar iċ-chats lil Mark Camilleri?
Għaliex jekk dan kien xi ħadd minn ġewwa l-qorti stess, jew mill-pulizija, allura bilfors li l-poplu ma jkollux nitfa fiduċja f’dawn iż-żewġ istituzzjonijiet kruċjali għat-tħaddim u l-protezzjioni tas-saltna tad-dritt f’pajjiżna. Bilfors allura li l-poplu għandu għax jinkwieta mis-sikurezza privata tiegħu.
Jekk se ngħixu f’soċjetà fejn id-dritt tal-privatezza tal-persuna, hi min hi, jitħalla jiġi mkasbar u tradut bil-mod kif seta’ ġara f’dan il-każ, allura dan id-dritt sagrosant ma jkunx jiswa ħaqq il-linka li jkun inkiteb biha. F’dan il-kuntest ukoll ikollna nistqarru li s-soċjetà tagħna verament tkun tilfet kull sens ta’ morali u diċenza.
Aħna nistqarru bil-forza li fejn jidħlu drittijiet, ħadd ma hu aqwa minn ħadd. Ħadd m’għandu jkollu xi dritt divin li jista’ jkasbar lil ħaddieħor billi jaqsam il-konfini tad-diċenza u jidħollu fil-privatezza tiegħu biex jagħmel vendetta minnu. Bl-istess mod ukoll nemmnu li persuna fil-ħajja pubblika għandha tagħraf il-limitu sa fejn tista’ tasal fl-imġiba tagħha.