Saturday, December 21, 2024

ID-DRITT TAX-XOGĦOL HUWA TA’ KULĦADD…INKLUŻ GĦALL-PERSUNI B’DIŻABILITÀ

Aqra wkoll

Ix-xogħol huwa dritt ta’ kulħadd u f’soċjetà inklussiva dan id-dritt huwa wkoll għall-persuni b’diżabilità. Dan id-dritt jagħti ċ-ċans liċ-ċittadini kollha biex jagħtu l-kontribut tagħhom fl-ekonomija tal-pajjiż. Dritt li jagħti lok li kulħadd ikun jista’ jaqla’ l-ħobża ta’ kuljum tiegħu u jgħix b’dinjità. Għaldaqstant, inti ta’ liema ġeneru inti, età, razza, kultura, jew grupp partikolari, id-dritt tax-xogħol huwa tiegħek.

Id-dritt tax-xogħol għall-Persuni b’diżabilità f’pajjiżna huwa ssalvagardjat saħansitra b’liġi li tobbliga lill-kumpaniji l-kbar b’50 ħaddiema u aktar li jkollhom 2% tal-impjegati li jkunu persuni b’diżabilità. Barra minnhekk il-Gvern ħa ħsieb li jkollna Ministeru li jissalvagwardja u jaħdem għal dan il-grupp, kif ukoll Kummissjoni. Dawn, flimkien ma’ għaqdiet oħra, jaħdmu qatigħ biex id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità jkunu protetti.

Fil-fatt riżultati pożittivi ksibna hekk kif mill-aħħar figuri jirriżulta li għandna kważi erbat elef persuni b’diżabilità rreġistrati mal-Jobsplus. Dan huwa riżultat tal-ħidma inkluża l-kwota msemmija. Però minkejja din il-kwota, l-avvanzi, l-isforzi u l-miżuri, ir-realtà hija li persuni b’diżabilità għadhom isibu diffikultajiet u ostakli biex jidħlu u jibqggħu fid-dinja tax-xogħol. Dawn jinkludu limitazzjonijiet, nuqqas ta’ opportunitajiet, perċezzjonijiet ħżiena, nuqqas ta’ aċċess u spejjeż. Ma nistgħux ma nsemmux l-ispiża esaġerata fejn jidħol trasport għal persuni b’diżabilità. Dawn jintalbu jħallsu €160 kull darba jmorru u jiġu mix-xogħol. Spiża li mhiex vijabbli għal min għandu paga medja aħseb u ara għal dawk fuq paga minima.

Nemmnu li tali ostakli m’għandhomx ikunu. Anzi, għandna naraw li lill-persuni b’diżabilità nwittulhom it-triq u niffaċilitawlhom il-possibbiltà li jaħdmu. Dan biex huma wkoll ikunu parteċipi fit-tkabbir ekonomiku tagħna. Fid-dinja tal-lum, il-prinċipji tal-ugwaljanza, l-inklussività u d-drittijiet tal-bniedem huma sostnuti b’mod wiesgħa u dan kemm lokalment, kif ukoll fuq livell internazzjonali. L-impjieg mhuwiex biss mezz ta’ sostenn finanzjarju; imma huwa t-triq lejn l-indipendenza, id-dinjità u l-inklużjoni soċjali.

Għaldaqstant nemmnu li huwa imperattiv li nisfidaw dawn l-ostakli u li noħolqu ambjent fejn persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jipparteċipaw bis-sħiħ fis-settur tax-xogħol. Dan jeħtieġ approċċ multidimensjonali billi: insaħħu u ninforzaw il-liġijiet; min iħaddem jagħti prijorità l-aċċessibbilità u l-inklussività fil-post tax-xogħol; u l-Istat flimkien mal-organizzazzjonijiet, jinvestu fi programmi u inizjattivi mmirati lejn l-iżvilupp tal-ħiliet, taħriġ vokazzjonali u impjieg tal-persuni b’diżabilità. Il-forniment tar-riżorsi meħtieġa u s-sistemi ta’ appoġġ jistggħu jagħtu s-setgħa lill-individwi biex jegħlbu l-ostakli u joħorġu l-potenzjal tagħhom fid-dinja tax-xogħol.

Finalment, il-perċezzjoni tal-pubbliku u l-attitudnijiet lejn id-diżabilità għandhom jinbidlu. Minflok inqisu d-diżabbiltà bħala limitazzjonij, irridu nagħrfu t-talenti, il-ħiliet u l-perspettivi diversi li l-persuni b’diżabilità għandhom x’joffru. Billi nħaddnu d-diversità u nippromwovu d-dritt għax-xogħol għall-persuni b’diżabilità, mhux biss inkunu qegħdin noħolqu soċjetà aktar inklużiva, iżda wkoll nisfruttaw il-potenzjal mhux sfruttat ta’ dawn l-individwi. Wasal iż-żmien li nneħħu l-ostakli li jxekklu l-opportunitajiet indaqs u li nwittu t-triq għal futur aktar ekwu u prosperu għal kulħadd.

Flimkien, b’solidarjetà, għandna insostnu d-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà biex mhux biss isibu impjieg, iżda biex huma wkoll jirnexxu u jikkontribwixxu b’mod sinifikanti lis-soċjetà. Hekk biss nistgħu nqisu lilna nfusna tassew li aħna soċjetà li tagħti valur lill-ugwaljanza, lid-diversità u lid-drittijiet tal-bniedem għal kulħadd.

Ekonomija

Sport