Monday, December 9, 2024

Id-drittijiet tiegħek bħala konsumatur meta tixtri waqt il-Black Friday

Tikteb Odette Vella Direttur għall-Informazzjoni, Edukazzjoni u Riċerka Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur

Aqra wkoll

Il-ġimgħa tal-Black Friday waslet u bosta bejjiegħa qed jippromwovu l-offerti speċjali tagħhom. Dan l-avveniment internazzjonali tax-xiri jagħti lill-konsumaturi l-opportunità li jixtru prodotti mixtieqa bi prezzijiet imnaqqsa. Madankollu, mhux dak kollu li jleqq huwa deheb. Għaldaqstant huwa essenzjali li wieħed joqgħod attent. Dawn li ġejjin huma xi suġġerimenti biex jgħinu lill-konsumaturi jisbu l-aħjar offerti tal-Black Friday filwaqt li jevitaw problemi u diżappunti.

Qabel wieħed joħroġ jixtri, kemm fiżikament kif ukoll online, huwa rakkomandat li l-konsumaturi jagħmlu ftit riċerka sabiex jidentifikaw liema bejjiegħa għandhom l-aqwa offerti. Li wieħed ikun jaf il-prezzijiet kif kienu qabel l-offerta, jista’ jgħin biex jiżgura li l-iskontijiet imħabbra huma ġenwini. Huwa wkoll utli li tqabbel il-prezzijiet u l-offerti minn diversi ħwienet sabiex tevita li tiġi impressjonat b’offerti ta’ roħs bombastiċi. Barra minn hekk għandha tingħata aktar importanza lill-prezz tal-bejgħ attwali milli l-persentaġġ tal-iskont. Fi kliem ieħor ara kemm ser tonfoq mhux biss kemm ser tiffranka.

Roħs fil-prezzijiet ma jfissirx inqas drittijiet għall-konsumaturi. Anke meta prodott jinbiegħ bi prezz imraħħas, għandu jkun kif deskritt, adattat għall-użu li suppost jagħmel u għandu jkun tal-kwalità mistennija. Jekk le, il-konsumatur għandu dritt għal rimedju b’xejn bħal tiswija, bdil, jew anke rifużjoni jekk it-tiswija jew bdil ma jkunux possibbli. Meta prodott jinbiegħ bi skont minħabba ħsara jew użu, il-bejjiegħa għandhom jinfurmaw lill-konsumaturi. Minn naħa l-oħra, ix-xerrejja għandhom ir-responsabbiltà li jiċċekkjaw bir-reqqa jekk il-prodott li ser jixtru għandux xi difetti viżbbli.

F’sitwazzjoni fejn il-konsumaturi jibdlu fehmthom wara x-xiri jew jagħmlu deċiżjoni ta’ xiri ħażina, il-bejjiegħa m’humiex obbligati li jipprovdu rimedju. F’dawn il-każijiet tapplika l-polza ta’ ritorn volontarja tal-bejjiegħ. Importanti li l-konsumaturi jkunu infurmati sew b’din il-polza, speċjalment matul avvenimenti ta’ bejgħ bħal Black Friday, peress li dawn il-poloz jistgħu jinbidlu f’dawn iż-żminijiet.

Konsumaturi li qed jippjanaw li jibdew jixtru r-rigali tal-Milied bl-offerti tal-Black Friday għandhom jiċċekkjaw mal-bejjiegħa jekk dawn ir-rigali jkunux jistgħu jinbidlu wara li jingħataw fil-Milied. Ċertu bejjiegħa jadottaw poloz ta’ ritorn li jestendu sa l-aħħar tas-sena, iżda dawn ivarjaw ħafna u għalhekk huwa importanti li l-konsumaturi jiċċekkjaw sew qabel jikkonkludu x-xiri. Din l-informazzjoni, flimkien ma’ termini u kundizzjonijiet addizzjonali, għandha tkun imniżżla b’mod ċar fuq l-irċevuta tar-rigal.

Meta l-konsumaturi jitħajru jakkwistaw xi offerta tal-Black Friday mingħand bejjiegħ online, tajjeb li jiftakkru li għandhom 14-il ġurnata biex jirritornaw prodotti mhux mixtieqa u jirċievu rifużjoni sħiħa. Madankollu, il-konsumaturi għandhom jiċċekkjaw jekk il-posta għar-ritorn tal-oġġett għandhomx iħallsuha huma. Barra minn hekk, ordnijiet online għandhom jitwasslu fi żmien 30 jum mid-data tal-ordni, sakemm ma jiġix speċifikat mod ieħor fil-kuntratt tal-bejgħ. Jekk id-data tal-kunsinna ma tiġix onorata mill-bejjiegħ, il-konsumaturi jistgħu jikkanċellaw ix-xiri u jitolbu rifużjoni. F’każ li l-prodott li jinxtara online jasal għand il-konsumatur bil-ħsara jew mhux kif deskritt, il-bejjiegħ għandu obbligu joffri rimedju b’xejn u jkopri wkoll l-ispejjeż tal-posta jekk il-prodott jeħtieġ li jiġi rritornat.

Fir-rigward ta’ prezzijiet, il-bejjiegħa huma obbligati li juru b’mod ċar il-prezz finali tal-prodott. Għalhekk, li jintwera biss il-perċentwali tar-roħs mhuwiex biżżejjed. Barra minn hekk, l-offerti kollha għandhom ikunu ġenwini. Fi kliem ieħor, il-bejjiegħa ma jistgħux jesaġeraw l-iskontijiet billi jqabblu l-prezz imraħħas ma prezz li qatt ma nbiegħ bih l-oġġett. Il-liġi tirrikjedi li l-prezzijiet mraħħsa ikunu mqabbla ma l-irħas prezz li bih il-prodotti inbiegħu fl-aħħar 30 jum qabel ma ġie applikat l-iskont.

Barra minn hekk, meta jippromwovu skontijiet, il-bejjiegħa huma obbligati jużaw lingwaġġ ċar u jevitaw li jqarrqu bil-konsumaturi. Pereżempju, jekk f’vetrina tal-ħanut ikun hemm riklam ta’ 50% roħs u mingħajr ma jiġu speċifikati limitazzjonijiet jew eċċezzjonijiet, il-konsumaturi għandhom jistennew li l-iskont ta’ 50% japplika għal kull prodott fil-ħanut. Jekk l-iskont ikun japplika biss għal certi prodott, dan għandu jkun indikat b’mod ċar. It-trasparenza fir-reklamar tgħin lill-konsumaturi jieħdu deċiżjonijiet infurmati u tiżgura li l-bejjiegħa jżommu prattiċi kummerċjali ġusti.

Għalkemm il-Black Friday joffri opportunitatjiet biex wieħed jiffranka l-flus, huwa importanti li l-konsumaturi jkunu infurmati sew dwar id-drittijiet u r-responsabiltajiet tagħhom sabiex ikollhom esperjenza ta’ xiri pożittiva. Jekk il-konsumaturi jiltaqgħu ma’ problemi bħal offerti qarrieqa, prattiċi kummerċjali inġusti, jew ikollhom xi diffikultà, għandhom id-dritt jitolbu l-għajnuna. Għal dan il-għan jistgħu jikkuntattjaw l-Uffiċċju għall-Affariijiet tal-Konsumatur billi jżuru l-website tal-MCCAA : www.mccaa.org.mt u jimlew il-formola ‘Contact Us. Il-konsumaturi jistgħu ukoll iċemplu fuq 80074400 għal assistenza u gwida.

L-iskop ta’ dan l-artiklu huwa biss li jipprovdi informazzjoni u mhux li jagħti parir legali. F’każ ta’ ilment jew bżonn ta’ aktar informazzjoni tista’ tikkuntattja lill-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur fuq il-freephone 8007 4400 jew iżżur is-sit elettroniku: www.mccaa.org.mt.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport