Monday, December 9, 2024

Merkel tirribatti l-kritika dwar ftehimiet dwar il-gass mar-Russja

Aqra wkoll

L-eks-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel, f’intervista rari li tat minn meta ħarġet mill-politika tliet snin ilu, qalet li l-ftehimiet tal-gass li għamlet mar-Russja kienu maħsuba biex jgħinu lill-kumpaniji Ġermaniżi u jżommu l-paċi ma’ Moska. Hija insistiet li l-gwerra mal-Ukrajna kienet tibda aktar kmieni kieku ma mblukkatx is-sħubija tal-Ukrajna fin-NATO fl-2008.

Angela Merkel mexxiet il-Ġermanja għal 16-il sena sħaħ u kienet hemm matul il-kriżi finanzjarja, il-kriżi tal-migranti tal-2015 u b’mod sinifikanti, l-invażjoni tar-Russja tal-Ukrajna fl-2014. Il-President tal-Ukrajna Volodymyr Zelensky iżda ma jaqbilx ma Merkel fuq dan.

Huwa jiddeskrivi d-deċiżjoni tagħha, appoġġjata mill-President Franċiż ta’ dak iż-żmien Nicolas Sarkozy, bħala “kalkolu ħażin” u ċar li ħeġġeġ lir-Russja għall-injvażjoni.

Fl-intervista, Merkel tesprimi tħassib dwar it-theddid imġedded ta’ Vladimir Putin li juża l-armi nukleari u sostniet li “irridu nagħmlu dak kollu possibbli biex nevitaw l-użu ta ‘armi nukleari. M’għandniex inkunu paralizzati mill-biża’, iżda rridu nirrikonoxxu wkoll li r-Russja hija l-akbar, jew flimkien mal-Istati Uniti, waħda mill-akbar żewġ poteri nukleari.

Minkejja li gawdiet popolarità għolja matul il-biċċa l-kbira taż-żmien tagħha fil-kariga, Merkel issa sabet ruħha fuq id-difensiva. Fil-memorji tagħha, Freedom, li ppublikat ftit ilu tgħid li għamlet dak kollu li setgħet biex tiżgura mezzi paċifiċi ta’ kooperazzjoni mar-Russja. Tgħid li fil-fatt Putin nieda l-invażjoni tiegħu fuq skala sħiħa tal-Ukrajna xhur biss wara li hija telqet mill-kariga ta’ kanċillier.

Fit-tmun tal-akbar ekonomija tal-Ewropa, hija kienet, kif jgħid l-eks prim ministru Taljan Matteo Renzi, il-mexxej de facto tal-Ewropa – il-kap tal-Unjoni Ewropea.

Renzi iżid jgħid li meta tiġġudika l-wirt ta’ Merkel fuq ir-Russja u mod ieħor, importanti li wieħed jiftakar fin-normi ta’ dak iż-żmien.

Taħt Merkel, il-Ġermanja u l-industriji kbar tagħha kienu bilgħatx għall-enerġija u saru dipendenti fuq Moska. Il-Ġermanja bniet żewġ pipelines tal-gass marbuta direttament mar-Russja li l-President Zelensky iddeskriva dak bħala għodda ġeopolitika tal-Kremlin.

Merkel tgħid li kellha żewġ motivi mal-pipelines: interessi kummerċjali Ġermaniżi iżda wkoll iż-żamma ta’ rabtiet paċifiċi mar-Russja. Membri tal-UE u tan-NATO fl-Ewropa tal-Lvant iżda ma qablux bil-kbir magħha.

Merkel tinsisti li ppruvat trażżan l-attakki Russi fuq l-Ukrajna permezz tad-diplomazija u n-negozjati, iżda tammetti li fl-aħħar mill-aħħar fallew. L-industrija Ġermaniża ntlaqtet b’mod sproporzjonat mis-sanzjonijiet fuq l-enerġija Russa.

Sfortunatament, bdiet era ġdida fir-relazzjonijiet tal-Ewropa mar-Russja wara l-invażjoni fuq skala sħiħa tal-Ukrajna, tgħid Merkel, li llum għandha 70 sena u trid tiddefendi l-wirt tagħha f’oqsma oħra wkoll.

Il-kriżi tal-migrazzjoni tal-2015, meta famużament fetħet il-bibien tal-Ġermanja għal aktar minn miljun persuna li qed tfittxu l-ażil, kienet forsi l-mument definittiv taż-żmien tagħha fil-kariga.

L-eks President Amerikan Barack Obama faħħarha bħala mexxej kuraġġuż u morali. Iżda l-kritiċi taw it-tort lilha li tat ħajja lill-partit tal-lemin estrem Alternattiva għall-Ġermanja (AfD) li dak iż-żmien kien kważi ineżistenti. L-għajta politika ewlenija tal-AfD llum hija messaġġ qawwi kontra l-migranti.
Angela Merkel tammetti li l-AfD għamlet kisbiet kbar, iżda ma tagħmilx apoloġija għad-deċiżjonijiet politiċi tagħha.

Fir-rigward tas-suġġerimenti li l-politiki tagħha tal-2015 għenu biex jagħtu spinta lill-partiti kontra l-immigrazzjoni u tal-lemin estrem f’postijiet oħra wkoll, inklużi l-Olanda, il-Polonja u Franza, wara li ppruvat timponi kwoti tal-migranti madwar il-pajjiżi tal-UE, Merkel tgħid li ma tistax tinżamm responsabbli għal l-Ewropa kollha.

Hija tappella lill-mexxejja tal-Ewropa biex jinvestu aktar fin-nazzjonijiet Afrikani biex itejbu l-istandards tal-għajxien hemmhekk, u għalhekk inqas nies jitħajru jitilqu minn djarhom. Iżda bl-ekonomiji tal-Ewropa kajmani, u l-votanti mħassba dwar l-għoli tal-ħajja, il-gvernijiet jgħidu li ftit hemm flus kontanti.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport