Monday, December 9, 2024

IS-SOĊJALISTI EWROPEJ

Aqra wkoll

Is-soċjaliżmu Ewropew mhuwiex f’qagħda tajba. Veru li jinsab fil-gvern fir-Renju Unit u fi Spanja imma mill-bqija, donnu jinsab irrassenjat li se jkun forza politika minoritarja, fejn ftit deċennji ilu, kien jaspira għal appoġġ maġġoritarju fis-soċjetajiet Ewropej. Mhu tal-ebda faraġ li numru sostanzjali tal-partiti tradizzjonali leminin ma tantx jinsabu f’qagħda aħjar.

Il-fergħa soċjalista li trid tibqa’ samma mal-linji xellugin tal-“imgħoddi” ma ċediet xejn mill-foga dommatika u spiċċat tingħalaq fil-fortizza tagħha. Il-fergħa “moderata” a la Tony Blair ta’ tletin sena ilu baqgħet iċċedi f’kompromess wara l-ieħor għal elettoraliżmu li jiddependi minn xi jgħidu l-aħħar stħarriġ tal-opinjoni. Saret kawta żżejjed. L-alleanza bejn iż-żewġ forzi tidher dejjem aktar fraġili.

Dil-problema toħroġ sew fil-Parlament Ewropew fejn is-soċjalisti baqgħu jsegwu, f’isem l-“ideal” Ewropew, strateġija li emarġinathom, waqt li tattikament qed juru ruħhom dgħajfa u inċerti.

DIFIŻA TAL-AMBJENT

Kulħadd jiftaħar li qed jiddefendi l-ambjent… imma kemm hu veru?

Jintqal kemm il-ħarsien tal-ambjent hu għan serju u tal-aqwa importanza, sakemm ma jaħbatx mal-ħtieġa li ċerti interessi jiġu mħarsa, li ċerti elettorati jiġu mogħtija n-nifs, u ċerti preġudizzji ma jitqagħbrux.

Biex tagħqad, is-settur hu tant wiesa, li wieħed jista’ jiftaħar kemm hu favur l-ambjent b’li qed iwettaq jew jappoġġja f’numru ta’ materji sensittivi, waqt li jkun qed iħawwad f’numru ta’ oħrajn. F’demokrazija parlamentari hi ħaġa ta’ min jistenniha li l-ambjent jinqabad ostaġġ fit-taqbida politika. Jekk jinżamm biss hekk madankollu, il-konsegwenzi jistgħu jkunu katastrofiċi. Speċjalment fi gżira ċkejkna bħal Malta. Ħafna nies f’pajjiżna qed iħossu dal-biża’ mingħajr ma jafu eżatt kif għandna nilqgħu għalih.

FIDUĊJA FIL-POLITIĊI

Biex inkun onest, ikolli ngħid li qatt ma kien hemm żmien li fih għext li ma kellux fih sentiment ta’ sfiduċja lejn il-politiċi, biex nuża t-terminu pulit li sar jintuża dan l-aħħar. Qabel konna ngħidu politikanti. (Wieħed milli l-aktar ikkontribwixxa biex naslu għal dil-bidla ta’ terminoloġija kien Guido de Marco.)

Politikanti jew politiċi, dejjem tqiesu minn parti mhux żgħira tas-soċjetà bħala nies li anke jekk mhux diżonesti, jiġbdu lejn xawwathom kull meta jistgħu, a spejjeż tal-ġid komuni. Fl-istess ħin, in-nies baqgħet taċċetta li kellha bżonn tal-politikanti.

Wasalna fi żmien fejn irridu nirriflettu dwar x’għandu jistenna n-nazzjon mill-ħidma politika. Li nibqgħu nirreferu għal stqarrijiet jew dokumenti bħar-rumanz ta’ Oliver Friggieri “Fil-Parlament ma jikbrux Fjuri” bħala xi kejl ta’ xinhu l-mixtieq, ma jagħmilx sens illum, jekk qatt għamel.

Il-kejl u l-kriterji ta’ xinhu mistenni mill-politiċi iridu jkunu ħajja u kontemporanji fl-iskop tagħhom.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport