Wednesday, April 17, 2024

Id-Dwana ssellem lil Peter u tilqa’ lil Deserto

Aqra wkoll

Tiġi fi tmiemha l-ħidma ta’ K9 Peter — il-kelb li għal dawn l-aħħar erba’ snin u nofs kien ta’ servizz għad-Dipartiment tad-Dwana f’dak li għandu x’jaqsam ma’ tfittxijiet għal flus mhux dikjarati u tabakk bil-kuntrabandu. Peter issa jinsab igawdi l-mistrieħ tiegħu fid-dar ta’ wieħed mill-impjegati tad-Dwana li ddeċieda illi jaddottah.

L-ikbar kisba ta’ Peter kienet meta f’operazzjoni minnhom irnexxielu jinterċetta s-somma ta’ €33,164 fi flus kontanti mhux dikjarati, fi tfittxija waħda li għamel fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. Matul is-servizz tiegħu, Peter irnexxielu jagħmel 84 qabda b’suċċess — 27 minnhom huma relatati mal-flus kontanti fejn irnexxielu jaqbad €598,859 fi flus kontanti mhux dikjarati. Barra minn hekk, Peter kien strumentali f’54 każ ta’ tabakk bil-kuntrabandu, fejn qabad total ta’ 150kg u wettaq tliet qabdiet ta’ drogi; każ minnhom kien jinvolvi l-kannabis filwaqt li ż-żewġ każi l-oħra kienu tal-kokaina.

Peter

Fost l-għadd ta’ suċċessi li għamel Peter, wieħed li żgur se jibqa’ mfakkar huwa dak tal-2021, meta rebaħ il-Best Dog in Uniform award waqt iċ-Ċerimonja tal-Għoti tal-Awards lill-Annimali ta’ Malta. Bla ebda dubju, Peter ħalla legat warajh, u żgur li se jibqa’ mfakkar għall-abbiltà eċċellenti li għandu fix-xamm u għall-ubbidjenza li dejjem wera.

Dezerto

Id-Dwana ta’ Malta, filwaqt li rringrazzjat lil Peter tas-servizz impekkabbli f’dawn l-aħħar snin, ħabbret li kelb ġdid bl-isem ‘Deserto’ se jkun qed jingħaqad mat-tim tal-klieb tad-Dwana. Deserto, kelb b’oriġini mill-Italja, bħalissa jinsab għaddej bit-taħriġ meħtieġ.

Id-Dwana ddeskriviet lil Deserto bħala kelb li għandu potenzjal kbir, ħerqan għat-tagħlim u ubbidjenti, tant li jidher li huwa kandidat tajjeb biex jokkupa l-irwol il-ġdid.

Ekonomija

Sport