Sunday, December 22, 2024

Id-Dwana taqbad erba’ passiġġieri b’total ta’ €52,481 flus mhux iddikjarati

Aqra wkoll

Id-Dwana qabdet erba’ passiġġieri, tnejn li kienu sejrin lejn Sqallija u tnejn li kienu sejrin lejn Istanbul, b’total ta’ €52,481 flus kontanti mhux iddikjarati.

Fi stqarrija, id-Dwana qalet li l-uffiċjali tagħha waqfu żewġ passiġġieri li kienu se jaqbdu l-vapur lejn Sqallija. Grazzi għax-xamma tal-kelb tad-Dwana Charlie, passiġġier Taljan inqabad li kien qiegħed iġorr flus li ma kinux iddikjarati. Mistoqsi kemm kellu flus, il-passiġġier qal li kellu madwar €5,000-€7,000 iżda minn investigazzjonijiet ulterjuri instab li kellu total ta’ €11,760.

Id-Dwana waqqfet ukoll passiġġier Sirjan li kien sejjer lejn Sqallija. Mistoqsi kemm kien qed iġorr flus, huwa wieġeb li kellu inqas mnin €10,000 iżda rriżulta li fil-fatt kien qed iġorr €10,990.

Fl-ajruport, id-Dwana waqqfet żewġ passiġġieri oħra li kienu sejrin lejn Istanbul. Wieħed minnhom kien passiġġier mill-Ghana li meta mistoqsi kemm kellu flus fuqu huwa wieġeb li kellu madwar €14,000. Wara tfittxija li għamlu l-uffiċjali tad-Dwana nstab li kellu €19,091.

Il-passiġġier l-ieħor kien mill-Burma u qal li kien qed iġorr madwar $11,000 iżda rriżulta li fil-fatt kien qed iġorr total ta’ €10,910.

L-erba’ passiġġieri qablu fuq ftehim barra l-qorti u ġew mmultati.

Ekonomija

Sport