Thursday, April 25, 2024

Id-Dwana tikkonfiska 30,825 sigarett tal-kuntrabandu u diversi pakketti bid-droga

Aqra wkoll

Id-Dwana kkonfiskat total ta’ 30,825 sigarett minn ħanut fl-Imsida, residenza privata u garaxxijiet fiż-Żejtun. 

Fi stqarrija, id-Dwana qalet li l-uffiċjali tagħha kkonfiskaw 13,800 sigarett tal-kuntrabandu minn garaxx privat fiż-Żejtun. Wara din is-sejba, l-uffiċjali tad-dwana fittxew ukoll fir-residenza biswit il-garaxx fejn instabu 198 sigarett ieħor tal-kuntrabandu li kienu jinsabu fil-kċina u fil-kamra tas-sodda.

L-Uffiċjali nnutaw vann li kien quddiem l-istess residenza jieqaf quddiem garaxx ieħor li jinsab fi triq oħra. Huma marru fuq is-sewwieq tal-vann u talbuh biex jiftaħ il-bieb tal-garaxx. Dan wassal għas-sejba ta’ 16,400 sigarrett tal-kuntrabandu, Business Royals Red, li ġew ikkonfiskati.

F’każ separat, 427 sigarett ieħor tal-kuntrabandu nqabdu minn ħanut Indjan fl-Imsida. Is-sigaretti nstabu taħt il-bank tal-ħanut u kienu tad-ditta L&M Blue u Gala American Blend. Sid il-ħanut stqarr li l-oġġetti nxtraw mingħand Malti li qassamhom direttament fil-ħanut tiegħu iżda ma kellux invoices x’jipprovdi lid-Dipartiment tad-Dwana.

Id-Dwana qalet li ż-żewġ każijiet qed jiġu investigati.

Fi tliet każijiet separati, Uffiċjali tad-Dwana fil-UPS Bond ikkonfiskaw żewġ pakketti li kienu indirizzati għal residenza fin-Naxxar u l-Mosta wara li nstab li b’kollox kien fihom 2.65kg kannabis.

Fil-każ l-ieħor instab li pakkett li kien indirizzat lejn residenza f’San Ġiljan kien fih żerriegħa li kienet suspettata li kienet kannabis, żewġ boroż żgħar tal-plastik li wkoll kien fihom mill-istess sustanza u żewġ boroż żgħar oħra li kien fihom magic mushrooms.

It-tielet każ seħħ fil-ħażna tal-merkanzija tal-Air Malta fejn grazzi għax-xamma tal-kelb tad-Dwana Zekkin, id-Dwana kkonfiskat envelop żgħir li kien indirizzat lejn residenza fi Grenoble, fi Franza li kien fih kartolina b’żewġ boroż żgħar tal-plastik li kien fihom il-kannabis.

It-Taqsima ta’ Kontra d-Droga tal-Pulizija ġiet infurmata dwar dawn is-sejbiet u l-pakketti u l-envelop ingħataw lill-pulizija għal aktar investigazzjoni.

Sport