Wara li ftit tal-jiem ilu ġew interċettati vetturi rrappurtati misruqa fil-Kanada, għal darb’oħra l-ħidma tad-Dwana wasslet biex jiġu interċettati sitt karozzi oħra misruqa mill-Kanada.
Dawn il-karozzi kienu tliet pick-ups Ford F450, Jeep Grand Cherokee SUV, Jaguar F-pace u Ford Expedition SUV, u kollha ġew interċettati mid-Dwana fil-Freeport grazzi għat-tagħmir tal-iscanning. Il-karozzi lussużi misruqa nstabu fi tliet kontejners ta’ 40 pied.
Bħal fil-każ tal-vetturi misruqa interċettati l-ġimgħa li għaddiet, id-dokumenti ma kienux jaqblux mal-kontenut.
Għaldaqstant, l-Uffiċjali tad-Dwana infurmaw lill-Awtoritajiet Kanadiżi dwar is-sejba. Magħhom ġew infurmati wkoll il-pulizija dwar dan il-każ li qiegħed jiġi investigat aktar.
Bħall-vetturi l-oħra misruqa interċettati l-ġimgħa li għaddiet, dawn is-sitt karrozzi kienu wkoll fi tranżitu lejn Abu Dhabi.