Friday, May 3, 2024

IDEAT ĠODDA

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Ingħidu li t-turiżmu f’pajjiżna jeħtieġlu jattira aktar klijenti ta’ klassi “ogħla”. U qed ngħidu tajjeb. B’hekk inkunu nistgħu nħaffu t-toqol li t-turiżmu ta’ massa jpoġġi fuq il-faċilitajiet, l-infrastruttura u l-attrazzjonijiet tal-pajjiż, kif ukoll l-impatt l-ieħor li jaffettwa ħażin il-benessri tal-istess ċittadini Maltini f’pajjiżhom stess. 

Fl-aħħar snin, it-tensjonijiet li nħassu fis-soċjetà Maltija dwar hekk kienu qawwija. Dawn, jintqal, jistgħu jittaffew bil-bidla lejn forom ġodda ta’ turiżmu. 

U l-mistoqsija tibqa’: X’inhuma l-forom ta’ turiżmu ta’ klassi għolja li jistgħu jiġu prospettati?

Fir-risposti li jingħataw, ftit tisma’ ideat ġodda. Biex ikunu konvinċenti, ir-risposti jridu jsemmu attivitajiet jew attrazzjonijiet partikolari, waqt li juru kif u għaliex huma utli u fattibbli. Fuq kollox iridu jagħtu soluzzjoni realistika għall-problema  ta’ jekk l-ambjent  li sirna ngħixu fih jippermettix l-iżvilupp ta’ turiżmu li jipprovdi esperjenza ta’ valur għoli f’kull sens tal-kelma.

RANKATURA

Bil-mod, il-kampanja għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew qed tirranka. Qed jinbena l-profil tal-kandidati li se jkunu qed jikkontestaw mill-inħawi politiċi kollha, f’taħlita interessanti ta’ nies b’esperjenza politika b’oħrajn li ġejjin minn setturi professjonali mżewqa. Kollha qed jagħmlu tajjeb li jenfasizzaw il-kredenzjali “Ewropej” tagħhom, fis-sens li juru kif personalment se jkunu, jekk jintgħażlu, kapaċi li jiddiskutu u jinnegozjaw b’kompetenza dwar materji Ewropej. Wara kollox, dan jikkostitwixxi l-bażi tal-kariga parlamentari li qed jikkontestaw għaliha.

Xorta waħda madankollu, wieħed jaħseb li bħal ma jiġri kważi fil-pajjiżi membri kollha, il-qofol tal-kampanja se jkun marbut mal-qagħda politika interna, talanqas żgur fl-għażla li l-votanti se jagħmlu tal-partit li jivvotaw għalih jew jekk ma jivvotawx.

IL-BARRANIN FOSTNA 

Il-preżenza fostna ta’ daqstant barranin, b’firxa wiesgħa fosthom ta’ dħul finanzjarju u ta’ stili ta’ għajxien toħloq realtajiet soċjali u politiċi ġodda għall-popolazzjoni tagħna. Jinħassu ċari tensjonijiet soċjali li bl-għajnuna tal-mezzi soċjali rari jibqgħu moħbija. Qed issir ħaġa dejjem aktar ċara li neħtieġu politika soda li tinkwadra lill-barranin fostna b’mod li jħares kemm l-interessi tagħhom u kemm dawk tal-poplu Malti.

Punt li ta’ spiss jintesa hu kif din mhix l-ewwel darba fl-istorja ta’ dawn il-gżejjer li fost il-popolazzjoni tagħhom kienu jinsabu barranin f’numru kbir. Fi żmien il-kavalieri, dawn bis-servitu, is-suldati u l-ilsiera li ġabu kienu jammontaw għal parti sostanzjali tal-popolazzjoni. L-istess fi żmien l-Ingliżi; is-suldati u l-baħrin bil-familji tagħhom kienu parti essenzjali mill-ħajja tal-pajjiż. 

Ħaga stramba hi li donnu ftit baqa’ tifkiriet ta’ kif fl-imgħoddi t-taħlit bejn barranin u n-nies lokali kien jiżviluppa fil-konkret. X’tip ta’ tensjonijiet kien iqajjem u kif kienu jinħallu?  

Sport