Monday, December 23, 2024

Identifikati 50 slipway madwar Malta biex isirilhom proġett ta’ dawl iġġenerat mix-xemx

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma Michael Farrugia ħabbar li ġew identifikati 50 slipway madwar Malta li għandhom bżonn jiddawlu. Għalhekk beda proġett biex jiġu installati solar lightings, dwal li jitħaddmu bl-enerġija rinnovabbli, f’dawn l-islipways bi spiża ta’ madwar €150,000. Dan il-proġett se jibda fil-ġimgħat li ġejjin wara li ddaħħlet l-ewwel applikazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar.

Dan tħabbar waqt żjara fuq ix-xogħlijiet ta’ tqegħid ta’ pannelli fuq il-bejt ta’ waħda mill-għaqdiet li bbenefikat mill-ewwel sejħa għall-għaqdiet biex jinstallaw pannelli fotovoltajiċi fuq il-bjut tagħhom, hekk kif illum għalqet it-tieni sejħa. Din is-sejħa nħarġet f’Ottubru tas-sena li għaddiet, u grazzi għal skema mħabbra mill-Ministeru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma, aktar għaqdiet volontarji se jkunu qed jibbenefikaw minn kontijiet orħos tal-elettriku.

Il-Każin tal-Banda Peace tan-Naxxar huwa fost 45 għaqda li bbenefikaw mill-ewwel skema. Dawn l-għaqdiet illum qed igawdu minn kontijiet orħos filwaqt li l-pajjiż qed igawdi minn enerġija u arja iktar nadifa.

Il-Ministru Farrugia fakkar li matul l-2020 ġew iffirmati l-kuntratti neċessarji mal-għaqdiet kollha u bdew l-installazzjonijiet tas-sistemi tal-pannelli solari. B’kollox, fl-ewwel skema, se jkunu tqiegħdu madwar 800 pannella.

Fakkar ukoll li f’Awwissu li għadda nfetħet it-tieni sejħa ta’ din l-iskema li għalqet fl-aħħar ta’ Ottubru. B’kollox intlaqgħu 22 applikazzjoni li se jkunu qed jiġu evalwati biex eventwalment jiġu ffirmati l-kuntratti biex jinbeda x-xogħol.

Il-Ministru Farrugia qal li dawn l-għaqdiet huma aġenti ma’ gvern li għandu għal qalbu s-settur tal-enerġija. Fakkar li pajjiżna jrid jilħaq l-10% tad-domanda ghall-enerġija minn sorsi rinnovabbli sa tmiem din is-sena.

Huwa proprju għal dan l-għan li l-gvern qed jinvesti l-miljuni fi grants għall-installazzjonijiet ta’ pannelli fotovoltajiċi, feed in tariffs, proġetti ta’ solar farms, bdil ta’ appliances għal apparat iktar effiċjenti lil familji vulnerabbli, għotjiet għall-installazzjonijiet ta’ heat pumps u skemi ta’ double glazing fost l-oħrajn. 

“Dan jikkonferma r-rieda tal-gvern li nkomplu nagħmlu minn Malta pajjiż li jiġġenera iktar enerġija minn sorsi nodfa. Bħala gvern u ministeru qed nibqgħu nkunu minn ta’ quddiem nett biex nieħdu inizjattivi bħal dawn li minnhom igawdi kulħadd”, temm jgħid il-Ministru Farrugia.

Ekonomija

Sport