Id-diskors dwar l-identità Maltija mhuwiex wieħed vojt, kif jippretendu xi wħud. Hu wieħed li jimmarka kif għandna nqisu lilna nfusna bħala komunità, x’jagħmilna bħal u differenti minn ħaddieħor. Il-qies jinvolvi l-ilsien, l-istorja riċenti u remota, id-drawwiet popolari, l-ambjent naturali fost oħrajn. Dan iwassal għal għarfien aħjar ta’ x’inhu l-interess nazzjonali u kif l-aħjar jista’ jitħares.
Xejn f’dil-biċċa ma jfisser li l-identità nazzjonali hi magħmula mill-azzar; il-karatteristiċi tagħha jistgħu jinbidlu maż-żmien bħal pereżempju skont ir-relazzjonijiet li jinbnew mal-barrani, kif juru l-esperjenzi tal-Maltin wara l-Indipendenza jew minn kemm il-pajjiż ilu membru tal-Unjoni Ewropea.
Lanqas mhu l-każ li għarfien ta’ identità nazzjonali se jfisser xi distakk mill-impenn biex poplu jieħu sehem attiv fil-ħajja tal-ġnus. Bil-maqlub: mingħajr dan l-għarfien, poplu ftit jieħu sehem b’mod ħieles u sħiħ fl-attività internazzjonali. Sens ta’ identità nazzjonali mifhum tajjeb ma jiżolax. Hu essenzjali anzi f’kontribut siewi tassew għall-iżvilupp ta’ ħidma kostruttiva bejn il-ġnus.
KOLONJALIŻMU
Il-wirt tal-kolonjaliżmu għadu magħna biex iqajjem il-polemiki. Mhux f’pajjiżna biss – f’kull pajjiż fejn seħħ. Naturalment, l-aktar li jagħmlu kjass huma l-fehmiet estremi – dawk li jikkundannaw il-kolonjaliżmu bl-għeruq u x-xniexel, u dawk li jfaħħru l-effett tat-tajjeb li seta’ kellu.
Il-fehmiet li jiġu bejn dawn it-tnejn ftit jinħassu jaqtgħu fil-laħam il-ħaj, anke jekk forsi jqarrbu aktar lejn il-“verità”. Bħal f’risposti għall-mistoqsija: f’din jew dik l-epoka tal-istorja, x’kienu l-għażliet reali quddiem il-mexxejja u l-popolazzjonijiet konċernati u kif fehmuhom (mill-perspettiva ta’ żmienhom, mhux dik tagħna llum)?
Il-fatt li l-wirt tal-kolonjaliżmu għadu ħaj hu importanti għax ifisser li l-effetti tal-kolonjaliżmu għat-“tajjeb” jew għall-“ħażin” għadhom jinħassu fid-deċiżjonijiet li nieħdu llum dwar il-futur.
DROGA
Nammetti li mir-riformi “liberali” li ddaħħlu matul is-snin, l-anqas li jien konvint minnhom huma dawk dwar it-tolleranza lejn id-drogi. Kont wieħed minn dawk fl-imgħoddi li saħqu fuq il-ħtieġa ta’ tolleranza żero lejn id-droga. Kont nara li qed tagħmel ħsara kbira fost il-poplu waqt li tiffinanzja l-kriminalità.
Maż-żmien, bqajt nara żieda ma taqta’ xejn fl-użu tagħha tant li ħaġa ċara, għal proporzjon dejjem tikber tal-popolazzjoni, kienet saret drawwa ordinarja li tkopri għażla varjata ta’ drogi.
Nifhem il-ħsieb li talanqas fil-każ tal-użu tal-ħaxixa, din tiġi legalizzata għall-użu fil-privat u skont miżuri stretti (jintqal) ta’ kif isir id-distribuzzjoni tagħha. B’dal-mod talanqas tinżamm taħt sorvelja u kontroll bħal ma jiġri fil-każ tal-alkoħol u t-tabakk. Min-naħa l-oħra (u dan idejjaqni sew) l-użu tagħha se jsir aktar u aktar normali għat-tfal li jgħixu f’familji fejn il-ħaxixa titpejjep b’mod normali.