Thursday, December 26, 2024

Identità u Jobs+ taħt l-istess Ministeru

… biex tiġi kkonsolidata u kkordinata aħjar il-ħidma marbuta mal-ħaddiema barranin

Aqra wkoll

Bil-għan li tkun ikkonsolidata u kkoordinata b’mod aħjar il-ħidma marbuta mal-immaniġġjar ta’ ħaddiema barranin fis-suq tax-xogħol Malti, il-Prim Ministru Robert Abela ħa deċiżjoni li l-aġenziji Identità u Jobs+ ikunu responsabbiltà tal-istess Ministeru.

Stqarrija maħruġa mill-Uffiċju tal-Prim Ministru qalet li l-Gvern ilu għal diversi xhur jieħu azzjonijiet diretti u kkoordinati biex il-kontroll tal-awtoritajiet Maltin jissaħħaħ, tiżdied il-kwalità, u s-suq tax-xogħol Malti jassorbi l-ħaddiema li għandu bżonn u mhux iktar. Il-pass li ttieħed illum huwa primarjament maħsub biex tissaħħaħ il-koordinazzjoni bejn l-entitajiet governattivi.

L-istqarrija qalet ukoll li għal dan il-għan il-Ministru Byron Camilleri se jkun qed iservi bħala Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u x-Xogħol. Il-ħidma fis-suq tax-xogħol trid tibni wkoll fuq il-ħidma importanti u b’saħħitha mibdija mill-Ministru Clyde Caruana bit-tnedija u l-bidu tat-twettiq tal-politika nazzjonali għas-suq tax-xogħol.

B’konsegwenza ta’ din il-bidla, ir-riformi u l-ugwaljanza issa se jkunu qed jgħaddu għal taħt id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne, bis-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg tibqa’ fdata bir-responsabbiltà tas-setturi. Il-Ministeru se jkun iġib l-isem ta’ Ministeru għall-Fondi Ewropej, Ugwaljanza, Riformi u Djalogu Soċjali.

Ekonomija

Sport