Idħol fid-dinja tal-villains dan il-Halloween f’Esplora

Aqra wkoll

Dan il-Halloween, iċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza Esplora fil-Kalkara se jieħu għamla mhux tas-soltu hekk kif se jinbidel fl-Akkademja tal-Villains — esperjenza immersiva fejn ix-xjenza, l-esperimentazzjoni, ir-rakkontar tal-istejjer u l-Halloween jingħaqdu flimkien għal avventura li l-familja kollha tista’ tgawdi.

Il-programm tal-Halloween ġie żvelat waqt avveniment għall-istampa fiċ-ċentru tax-xjenza, miftuħ mis-Senior Director Mary Ann Cauchi, li enfasizzat l-impenn tal-organizzazzjoni li tagħmel ix-xjenza attraenti, aċċessibbli u divertenti għal udjenzi ta’ kull età. “F’Esplora, irridu li x-xjenza tkun xi ħaġa li n-nies jesperjenzaw, jistaqsu dwarha u jgawduha. L-Akkademja tal-Villains turi kif il-kreattività u r-rakkontar tal-istejjer jistgħu jiftħu bibien ġodda għall-iskoperta xjentifika, u jittrasformaw il-Halloween f’opportunità għall-familji biex jesperimentaw, jesploraw u jitgħallmu flimkien. Dan jirrifletti l-impenn tagħna li noħolqu esperjenzi attraenti ta’ STEAM li jqanqlu l-kurżità u jagħmlu t-tagħlim memorabbli għal udjenzi ta’ kull età.”

Mill-31 ta’ Ottubru sal-4 ta’ Novembru, bejn l-10:00 am u l-5:00 pm, il-viżitaturi huma mistiedna jirreġistraw bħala rekluti fl-Akkademja tal-Villains u jidħlu f’dinja ta’ esperimenti misterjużi, missjonijiet kuraġġużi u sorpriżi xjentifiċi. Huma se jiffaċċjaw sfidi, isolvu puzzles u jiskopru x-xjenza wara l-effetti spettakolari ispirati minn karattri u stejjer tal-villains.

Waqt li ppreżentat il-programm, id-Deputat Direttur ta’ Esplora Kiki Mizzi pprovdiet ħarsa ġenerali lejn il-firxa ta’ attivitajiet ippjanati, inklużi wirjiet tax-xjenza, workshops tematiċi u esperimenti prattiċi mfassla biex iħeġġu lill-viżitaturi jinvestigaw, jesperimentaw u jittestjaw il-ħiliet xjentifiċi tagħhom. “L-Akkademja tal-Villains tippermettilna nbiddlu ċ-ċentru tax-xjenza f’dinja ta’ misteri u mhux tas-soltu. Minn esperimenti strambi għal sfidi mhux mistennija, kull attività tfasslet biex tagħmel lill-viżitaturi parti mill-istorja u tħallihom jistaqsu x’jista’ jiġri wara.”

Fost il-punti ewlenin tal-programm hemm Sinister Science u Frankenstein’s Lab, kif ukoll għażla ta’ attivitajiet iddisinjati apposta għal xjenzati iżgħar fl-età. Permezz ta’ dawn l-esperjenzi, il-viżitaturi se jidħlu fil-kimika u l-ġisem tal-bniedem, jesperimentaw b’ideat inventivi u jiffaċċjaw sfidi prattiċi

L-Akkademja tal-Villains toffri lill-familji mod differenti kif jesperjenzaw il-Halloween, fejn daqsxejn ħażen jiltaqa’ mal-kurżità, il-kreattività u t-tagħlim. Minflok sempliċiment ikunu spettaturi, il-viżitaturi jsiru parti mill-avventura u għandhom rwol attiv fl-esperimenti u l-isfidi.

L-avveniment ingħalaq mill-Ministru għall-Ġustizzja, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, li tkellem dwar l-importanza li jitħeġġu l-kurżità u l-interess fix-xjenza, ir-riċerka u l-innovazzjoni minn età bikrija. Il-Ministru Grima spjega li din hija attività li tgħaqqad id-divertiment max-xjenza, u tagħmel dan b’mod kreattiv u immersiv. Huwa qal, “Esplora dejjem jagħmel enfasi fuq it-tagħlim permezz tal-esperjenza, li huwa mod importanti kif inħeġġu lit-tfal jistaqsu l-mistoqsijiet, jippruvaw, jiżbaljaw u jerġgħu jippruvaw. B’din l-inizjattiva l-aktar ħaġa importanti li rridu nħallu f’moħħ it-tfal mhijiex tweġiba, imma li jkollhom mistoqsija ġdida u b’hekk inkunu qed ninstigaw il-kreattività f’dawn it-tfal”.

Kemm jekk se żżur iċ-ċentru mal-familja jew mal-ħbieb, l-Akkademja tal-Villains ta’ Esplora twiegħed xjenza prattika, skoperti mhux mistennija u ħafna divertiment tal-Halloween. L-Akkademja tal-Villains tibda mill-31 ta’ Ottubru sal-4 ta’ Novembru, bejn l-10:00 am u l-5:00 pm, fiċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza Esplora, il-Kalkara.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport