Sunday, October 27, 2024

Ifalli l-bank Żvizzeru Credit Suisse

Aqra wkoll

Is-settur bankarju internazzjonali kompla għaddej minn tħassib u nkwiet serju meta jumejn ilu, il-bank Żvizzeru Credit Suisse inxtara mir-rivali tiegħu UBS, fi ftehim li sar b’senserija mir-regolaturi u maħsub biex jikkalma s-suq. Taħt dan il-ftehim xi investituri se jieħdu daqqa kbira.

Dan għaliex ir-regolaturi Żvizzeri ddeċidew li l-bonds AT1 ta’ Credit Suisse, li kellhom valur ta’ $17-il biljun, ikunu vvalutati bħala żero.

Dawn it-tipi ta’ bonds huma investimenti aktar riskjużi u għandhom rendimenti ogħla. Ir-regolaturi jostnu li din il-mossa se tgħin lill-kapital tal-bank.

It-taqlib riċenti tas-suq bankarju kkumplika l-ġlieda tal-banek ċentrali fl-Ewropa kontra l-inflazzjoni.

Il-Bank of England għolla r-rati tal-imgħax 10 darbiet konsekuttivi, hekk kif qed jipprova jiġġieled iż-żieda fil-prezzijiet. Iżda issa hemm inqas minn 50% ċans li l-Bank of England jerġa jgħolli r-rati tal-imgħax, skont l-aġenzija tal-aħbarijiet Reuters.

Meta r-rati tal-imgħaxx jogħlew, l-impatt jinħass l-aktar minn dawk li jissellfu permezz ta’ spejjeż ogħla ta’ ipoteki fuq is-self. Mill-banda l-oħra iżda jkun qligħ aħjar għal min ifaddal.

Jekk iż-żidiet fir-rati jitwaqqfu, dan jista’ jnaqqas ftit mill-pressjoni fuq l-ipoteki tan-nies, kif ukoll fuq in-nies li jużaw karti ta’ kreditu u fuq dawk li jagħmlu self bankarju.

L-ishma tal-banek Ewropej niżlu wara li l-bank Credit Suisse ġie salvat f’xiri ta’ $3 biljun (£2.5 biljun) mir-rivali Żvizzeru tiegħu UBS. Il-UBS xtrat lil Credit Suisse bi frazzjoni tal-valur tas-suq tal-għeluq qabel tmiem il-ġimgħa.

Il-prezzijiet tal-ishma fl-Asja wkoll waqgħu, bl-indiċi Hang Seng ta’ Hong Kong niżel b’madwar 3% u n-Nikkei f’Tokjo niżel aktar minn 1%. Credit Suisse kien l-aktar falliment sinifikanti ta’ kriżi ta’ fiduċja fis-settur bankarju li rat ukoll il-kollass ftit juiem ilu ta’ Silicon Valley Bank fl-Istati Uniti.

Credit Suisse, it-tieni l-akbar bank li jislef tal-Isvizzera kien meqjus bħala bank li kien importanti wisq biex ifalli – jiġifieri t-teħid tal-kontroll ġie mgħaġġel mill-awtoritajiet tal-pajjiż.

Minkejja t-taqlib fis-suq fl-aħħar ġimgħat, l-esperti finanzjarji mhux qed ibassru ripetizzjoni tal-kriżi finanzjarja tal-2008.

Quddiem din is-sitwazzjoni delikata, il-Bank of England min-naħa tiegħu sostna li s-sistema bankarja tar-Renju Unit hija kapitalizzata u ffinanzjata tajjeb u se tibqa’ sigura u soda.

Sport