Thursday, April 18, 2024

Hockey: Qormi Daikin jibqgħu jiġru wara GREE Sliema Hotsticks wara rebħa kbira

Aqra wkoll

Qormi Daikin baqgħu jżommu l-pass mal-leaders GREE Sliema Hotsticks meta f’logħba mill-kampjonat nazzjonali tal-hockey għelbu lil White Hart bl-iskor ta’ 7-1.

Kif jindika l-iskor, il-Qriema ddominaw dan il-konfront b’White Hart li baqgħu fil-logħba sa tmiem it-tieni quarter, bl-aħħar tnejn li fihom ċedew l-armi biż-żewġ punti finali jmorru għand it-tim immexxi minn Andre Ghio.

Iż-żagħżugħ Luke Bajada kompla jispikka għal Qormi meta skorja doppjetta filwaqt li Zack Degiovanni, Daniel Ellul, Steve Tanti, Juan Sarcia u Julian Zahra wkoll niżżlu isimhom fost l-iskorers.

Kevin Micallef kien naqqas l-iskor għal White Hart.

Il-kampjonat jidħol f’fażi kruċjali hekk kif Qormi u Sliema jiltaqgħu darbtejn wara xulxin sabiex eventwalment jiġi deċiż ic-champion għal dan l-istaġun.

Umpires kienu Edward Hughes u Karl Chircop.

KLASSIFIKA – KAMPJONAT NAZZJONALI TAL-HOCKEY

GREE Sliema Hotsticks 12, Qormi Daikin 11, Floriana Young Stars 7, White Hart 0

Mill-Hockey 9s, GREE Sliema Hotsticks għelbu lil Marsascala Summer Nights 3-1.

Wara skor ta’ 0-0 sa tmiem l-ewwel quarter, is-Slimiżi tjiebu fit-tieni wieħed sabiex baqgħu konsistenti sal-aħħar filwaqt li skorjaw aktar gowls importanti.

Andy Monaghan u Simon Barthet fetħu vantaġġ doppju għall-Blues bi Stefano Schembri li naqqas il-marġni tal-iskor għall-Iskalin. Emile Borg skorja l-gowl li ssiġġilla r-rebħa għat-tim tiegħu.

Umpire kien Edward Hughes.

Mill-kampjonat ta’ taħt l-14-il sena, Qormi Daikin kisbu skor kbir ta’ 11-0 kontra GREE Sliema Hotsticks.

Giorgio Muscat kellu wirja impressjonanti hekk kif skorja 10 gowls. Ben Falzon żied ieħor għat-tim tiegħu.

Umpires kienu Edward Hughes u Emile Borg.

Ekonomija

Sport